Lokali

AĠĠORNATA: Baħri salvat; Mhux magħruf waqax jew twaddabx apposta

Mhux magħruf jekk baħri li kellu jkun salvat aktar kmieni, waqax jew twaddabx minn fuq tanker li kien fuqu. L-inċident seħħ aktar kmieni u kellhom jissejjħu l-Forzi Armati ta’ Malta għall-assistenza.

NETnews.com.mt jinsab infurmat li l-Pulizija Maltija ħadu ntoa dwar dan l-inċident minkejja li l-każ seħħ barra mill-ibħra territorjali ta’ Malta. Filfatt, mhux magħruf jekk dan il-każ kienx aċċident jew inkella jekk il-baħri, li hu ta’ nazzjonalita’ Torka, twaddabx il-baħar apposta.

L-inċident seħħ aktar kmieni, bil-Forzi Armati li kellhom jissejħu biex jassistu f’operazzjoni ta’ salvataġġ meta baħri waqa’ minn tanker li kien fuqu ‘l barra mill-kosta.

Qabel waslu l-Forzi Armati ta’ Malta b’ħelikopter u dgħajsa tas-salvataġġ, ir-raġel ittella’ mill-baħar minn dgħajsa tas-sajd li kienet fil-qrib u li aktarx kienet hi li talbet l-assistenza.

Intant, wara li ttieħed lura fuq l-art, ir-raġel ittieħed l-isptar Mater Dei biex jingħata l-assistenza medika, għalkemm ma jidhirx li ġarrab xi ġrieħi. Dwar dan il-każ kienet infurmata l-ambaxxata tat-Turkija f’Malta.