Diversi sorsi fi ħdan il-militar Amerikan qed jindikaw li aktarx inqatel Abu Omar al-Shishani jew kif kien tlaqqam Omar iċ-Ċeċen u li jitqies bħala l-Ministru tal-Gwerra tal-ISIS.
L-indikazzjonijiet huma li hu aktarx inqatel f’attakk mill-ajru fis-Sirja.
Shishani kien fost l-aktar nies imfitxija fid-dinja u kien wieħed mill-konsulenti l-aktar fdati ta’ Abu Bakr al-Baghdadi, il-kap tal-ISIS u f’filmat li kien inħareġ fl-2014 mill-ISIS, hu kien deskritt bħala l-kmandant militari tal-grupp.
L-indikazzjonijiet huma li hu seta’ nqatel waqt attakk mill-ajru imexxi mill-Istati Uniti fl-4 ta’ Marzu qrib il-belt ta’ al-Shadadi. Minkejja li diversi sorsi Amerikani qed jindikaw li Shishani aktarx inqatel f’dan l-attakk, uffiċjalment il-Gvern Amerikan ma jridx jikkummenta jekk inqatilx jew le.
Shishani, imwieled fil-Georgia fl-1986 u ismu proprju hu Tarkhan Tayumurazovich Batirashvili, kien responsabbli wkoll għal ħabs f’Raqqa fejn aktarx l-ISIS iżomm il-priġunieri barranin.
Fil-passat hu kien iġġieled kontra t-truppi Russi fiċ-Ċeċenja u imbagħad mar jiġġieled kontrihom f’Georgia fl-2006.
Aktarx inqatel ‘il-Ministru tal-Gwerra’ tal-ISIS
