Futbol Sport

Byrne tirriżenja fuq “żball ta’ ġudizzju”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Sunderland Margaret Byrne rriżenjat wara l-każ ta’ abbuż fuq it-tfal ta’ Adam Johnson. L-Ingliż li għandu 28 sena jista’ jeħel bejn erbgħa u għaxar snin ħabs wara li nstab ħati ta’ attività sesswali ma’ tifla ta’ 15-il sena.

Il-klabb Ingliż ġie kkritikat li ħalla lill-winger jilgħab wara l-arrest. Byrne li ilha kap eżekuttiv ta’ Sunderland mill-2011 qalet li kien żball serju bil-klabb jiskuża ruħu.

Fi stqarrija, Sunderland qalu li l-vittma ta’ Johnson kienet diżappuntata mill-plejer kif ukoll mill-klabb tiegħu. L-istqarrija żiedet tgħid lil Johnson gideb lill-klabb, gideb lill-partitarji u għandhom kull dritt iħossuhom irrabjati.

Il-klabb kien issospenda lil Johnson f’Marzu tal-2015 iżda neħħa s-sospensjoni wara 16-il ġurnata. F’dawn l-għaxar xhur, l-Ingliż lagħab 28 logħba mal-Black Cats.

Byrne li ngħaqdet ma’ Sunderland fl-2007 qalet li kuntrarju għal dak li ġie ssuġġerit, ma fehmitx li Johnson kellu l-ħsieb li jibdel it-talba tiegħu fil-ġuri tiegħu.

“Jien kont sorpriża meta qal li hu ħati. Jien naċċetta li Adam Johnson ma kellux jerġa’ jilgħab, irrispettivament minn dak li kien se jgħid.”

“Dan kien żball ta’ ġudizzju u naċċetta responsabbiltà sħiħa ta’ dan,” temmet Bryne.