Kurżitajiet

FIĊ-ĊINA: Tmut imblukkata f’lift … fejn kienet ilha maqbuda għal xahar

Mara fiċ-Ċina mietet bil-għatx f’lift fejn kienet ilha maqbuda għal xahar. Il-każ traġiku seħħ wara li ħaddiema għall-manutenzjoni kienu għalqu l-provvista tad-dawl fil-bini residenzjali fejn kien hemm il-lift u ma indagawx ‘kif suppost’ jekk setax kien hemm xi ħadd ġewwa l-lift.

Il-ħaddiema, fit-30 ta’ Jannar, kienu marru f’dan il-bini, fil-belt ta’ Xi’an, bl-iskop li jsewwu lift bil-ħsara. Huma kienu tfew id-dawl wara li għajtu jekk ‘kienx hemm xi ħadd’ f’dak il-lift li kien imwaħħal bejn l-għaxar u l-ħdax il-sulari.

Il-ħaddiema, imbagħad, telqu għall-vaganzi tal-Ewwel tas-Sena u rritornaw fil-bini fil-bidu ta’ Marzu, meta nstab il-katavru tal-mara traġika. Mifhum li din il-mara, li kellha 43 sena, kienet tgħix fil-bini partikolari.

Numru ta’ nies spiċċaw arrestati b’konnessjoni mal-każ li l-pulizija qed titrattah bħala omiċidju involontarju.