Blue shark ta’ madwar tliet metri li t-Tnejn daħal fix-Xatt ta’ Pembroke aktarx salva hekk kif, wara sigħat ta’ ħidma b’dedikazzjoni minn Sharklab-Malta u l-Malta National Aquarium, għam ‘il barra mill-ġdid.
Il-kelb il-baħar, ta’ sess femminili u b’tul ta’ madwar tliet metri, deher għajjien ħafna u l-mewġ kompla jimbuttah mill-ġdid fuq il-blat, kif jispjega Greg Newell, minn Sharklab-Malta, li dam ħin twil jipprova jgħin biex dan joħroġ fil-miftuħ u jkun jista’ jgħum.
Wara madwar sagħtejn, il-kelb il-baħar ħareġ fil-beraħ, fejn jista’ jgħum, hu sinjal pożittiv, għalkemm hu diffiċli wieħed jgħid jekk dan hux se jgħix. Jidher li minbarra l-għejja u ftit brix minħabba l-blat, il-kelb il-baħar kellu biss qasma fuq wiċċu.
Min jixtieq jgħin lil Sharklab Malta jista’ jagħmel dan b’donazzjoni minima ta’ €25. Din tappoġġja lill-din l-għaqda mhux governattiva li l-membri tagħha jtaħdmu b’mod volontarju billi jżuru l-pixkerija u jiġbru l-bajd ta’ klieb il-baħar li jkunu nqabdu mis-sajjieda.
Wara proċess bir-reqqa, il-voluntiera jgħinu biex il-klieb il-baħar ifaqqsu u jinħelsu mill-ġdid.
//= $special ?>