Għawdex Lokali

FILMAT: Il-Qorti tordna li jkunu rritornati n-nagħaġ li għadhom ħajjin

Il-Qorti tordna lill-awtoritajiet biex jirritornaw in-nagħaġ ta’ Ġanni Attard; 3 nagħġiet laħqu mietu

Il-Qorti laqgħet rikors li tressaq b’urġenza minn Ġanni Attard biex ikunu rritornati n-nagħaġ li dalgħodu ħadu l-awtoritajiet mir-razzett tiegħu f’Għawdex. Filfatt in-nagħaġ ġew irritorni tard waranofsinhar.

Dan wara li uffiċjali mid-Dipartiment Veterinarju, fil-preżenza ta’ għexieren ta’ Pulizija, dalgħodu marru biex jieħdu n-nagħaġ tiegħu għall-qatla.

Filmat: In-nagħaġ ritornati lura fir-razzett wara li ttieħdu għall-qatla kmieni filgħodu.

Qabel ma ħarġet id-deċiżjoni tal-Qorti (dalgħodu), fir-razzett tiegħu, Ġanni Attard instema’ jgħajjat li “bdew joqtluli n-nagħaġ”. Dan wassal għall-ħsieb li wħud min-nagħaġ setgħu laħqu nqatlu qabel id-deċiżjoni tal-Imħallef Anna Felice.

Fir-rikors li ntlaqa’ dalgħodu, il-Qorti qalet li b’mod proviżorju qed tordna li l-annimali li għadhom ħajjin, ikunu rritornati fir-razzett.

Madanakollu, jidher li madwar tlett nagħaġiet laħqu nqatlu sakemm ġew irritornati ‘l bqija, filwaqt li nagħġa oħra mietet minħabba l-iskariġġ.

Dan kollu wara li l-Qorti kienet aċċettat rikors ieħor ilbieraħ filgħaxija, li fih Ġanni Attard talab li n-nagħaġ ma jinqatlux qabel jintemmu l-proċeduri legali li hemm pendenti.

Filmat: L-awtoritajiet li filgħodu marru biex jieħdu n-nagħaġ ta’ Ġanni Attard għall-qatla. Aktar tard, il-Qortni ordnat li jkunu rritornati.

Aktar kmieni …
Diversi Pulizija dalgħodu marru fir-razzett tar-raħħal Għawdxi Ġanni Attard sabiex jidħlu biex joqtlulu n-nagħaġ tiegħu. Il-Pulizija marru biex jidħlu fir-razzett kmieni dalgħodu, iżda Ġanni Attard irreżista.

Ġanni Attard ilu s-snin inovult f’battalja legali biex isalva 435 nagħġa. F’Ottubru 2013 hu kien irċieva multa ta’ €1.7 miljun.

Gianni Attard kien irċieva ittra minngħand Anthony Gruppetta, Direttur Ġenerali tad-Dipartiment Veterinarju, li fiha kien ġie infurmat illi bħala raħħal kiser diversi regolamenti minħabba li ma rreġistrax in-nagħaġ tiegħu. Il-multa kienet ta’ €11,646 fuq kull nagħġa għal total ta’ €5 miljuni.