Lokali

FILMAT: Joseph Muscat jibqa’ jiddefendi lil Konrad Mizzi u Keith Schembri

Jgħidilna biex nistaqsu dwar Ann Fenech, li fl-aħħar jiem fetħet żewġ libelli kontrieh

Il-Prim Ministru Joseph Muscat kompla jiddefendi lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri billi jaħrab milli jgħid jekk hux se jieħu passi fil-konfront tagħhom.

NETnews.com.mt dalgħodu mar jipprova jieħu l-kummenti ta’ Muscat hu u dieħel għar-recording tal-programm Dissett li se jixxandar illejla fuq TVM (ara l-filmat hawn taħt).

Dan is-sit staqsa lil Muscat għaliex għadu qed jiddefendi lil Kornad Mizzi u lil Keith Schembri, bil-Prim Ministru jwieġeb “għax ma ssaqsix dwar Ann Fenech?”.

Il-President tal-Eżekuttiv tal-PN Ann Fenech fl-aħħar jiem ressqet żewġ libelli kontra Joseph Muscat u kontra l-President tal-Partit Laburista talli xerrdu informazzjoni qarrieqa bl-iskop li jnaqqsu jew itellfu mir-reputazzjoni tagħha u dan billi qalu li ilha b’kumpanija fil-Panama mill-2003 u li żammet kollox moħbi.

Mill-banda l-oħra, la Konrad Mizzi u l-anqas Keith Schembri għadhom ma ressqu libell wieħed – la kontra l-Partit Nazzjonalista u l-anqas kontra l-ġurnalisti li żvelaw dan l-iskandlu.

Fl-iskandlu tal-Panama, Konrad Mizzi u Keith Schembri nqabdu li għandhom kumpaniji sigrieti fil-Panama u ‘trusts’ fi New Zealand u li dawn infetħu wara li ġie elett il-Gvern Laburista, u fl-istess ħabta li t-tnejn li huma marru bil-moħbi mal-Prim Ministru l-Ażerbajġan.