Lokali

Filmat: Pajjiżna jinsab fi kriżi ta’ tmexxija morali – Simon Busuttil

Dan il-Gvern Laburista jinsab fi kriżi ta’ korruzzjoni u ta’ tmexxija morali. Din id-dikjarazzjoni għamilha l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta kien qed jiġi intervistat fil-programm Newsfeed, fuq NET Television.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-aħħar tliet snin kienu kkaratterizzati minn skandlu wara l-ieħor tal-Gvern Laburista, fejn apparati mill-iskandli l-kbar ta’ korruzzjoni qed jitwettqu wkoll skandli oħrajn, fosthom fil-mod kif jingħataw promozzjonijiet u fil-mod kif persuni jitpoġġew f’postijiet tax-xogħol.

Simon Busuttil qal li l-Gvern għandu kriżi ta’ tmexxija morali u dan qed idejjaq lin-nies u jġib rabja. Dan hu tradiment li seħħ lill-poplu, li qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali kien imwiegħed politika nadifa mill-Partit Laburista, sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, li kompla li l-Gvern għandu bżonn tindifa biex jitneħħew il-Ministru Konrad mizzi u ċ-Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri.

Simon Busuttil kompla li bħala politiku, jixtieq il-ġid lill-pajjiż u l-Partit Nazzjonalista ma jieħux sodisfazzjon jara l-każ tal-Ministru Kontrad Mizzi u ta’ Keith Schembri jagħmlu ħsara lill-pajjiż. Hu kompla li issa m’għadhiex biss l-Oppożizzjoni li qed tikkritika lill-Gvern dwar il-korruzzjoni.

Wara l-każ tal-Ministru Konrad Mizzi, is-CMTU, l-MEA, il-UĦM Voice of the Workers, il-Kamra tal-Kummerċ u l-GRTU ħarġu stqarrijiet iebsa kontra l-korruzzjoni. Konrad Mizzi mhux biss qed jagħmel ħsara lilu nnifsu, iżda wkoll lill-pajjiż, sostna Simon Busuttil, li kompla li l-impenn tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista hu li titnaddaf il-politika Maltija darba għal dejjem.