Lokali

Filmat: Skont Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri huma “ġenwini”

Skont il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tiegħu, Keith Schembri, huma “żewġ persuni ġenwini”. Muscat esprima dan is-sentiment meta kien qed jitkellem waqt il-programm Dissett.

Waqt il-programm ħareġ kif Keith Schembri għad għandu interessi fin-negozji. Joseph Muscat kien qed jitkellem dwar l-investigazzjonijiet li qed isiru dwar it-‘trust’ u l-kumpanija sigrieta ta’ Konrad Mizzi. Meta kien mistoqsi dwar Keith Schembri, Joseph Muscat qal li s-sitwazzjoni b’Keith Schembri hi kompletament differenti peress li Schembri hu bniedem li għad għandu interessi fin-negozju minkejja li rriżenja minn pożizzjonijiet ta’ Direttur.

Keith Schembri kien appuntat Chief of Staff minn Joseph Muscat innifsu malli l-Partit Laburista kien elett fil-Gvern tlett snin ilu, iżda minkejja dan, jidher li sal-lum għad għandu interessi fin-negozju.

Waqt il-programm, il-Prim Ministru qal li bħalissa għaddej proċess ta’ awditjar indipendenti kif ukoll investigazzjoni mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni.

Dan minkejja li hu fatt magħruf li l-Panama hu pajjiż magħruf għal-liġijiet stretti li jipproteġu l-informazzjoni minn awtoritajiet li jkunu qed jinvestigaw.

Mistoqsi mill-preżentatur Reno Bugeja għaliex uża kejl differenti ma’ membri oħra tal-Kabinet li tkeċċew, Muscat wieġeb li hu għandu l-istess kejl u juża l-istess standards ma’ kulħadd.

F’nofs l-iskandlu tal-Panama, u wara sensiela ta’ skandli oħra, fosthom tal-Cafe’ Premier, tal-Australia Hall u ta’ Gaffarena, skont Joseph Muscat, l-istandards taħtu għolew.

Muscat qal li l-Gvern “kompla jgħolli l-istandards” meta kien mistoqsi mill-preżentatur x’ġara minn Jannar li għadda ‘l hawn, meta Muscat stess kien qal li se jkun qed jiġġieled il-korruzzjoni ‘head-on’.