Ewropa Unjoni Ewropea

Iċ-ċaqlieq ta’ ħaddiema fl-UE għandu jsir f’kuntest ta’ kompetizzjoni ġusta

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew David Casa laqa’ b’sodisfazzjon il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-ħaddiema Ewropej li jintbgħatu jaħdmu fi stat ieħor mill-post tax-xogħol tagħhom.

Bħala l-Kelliem tal-Grupp tal-Popolari dwar ix-Xogħol u s-Settur Soċjali, David Casa qal li l-PN jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni għaliex hu kompromess tajjeb. David Casa appella għall-protezzjoni garantita għal dawn il-ħaddiema u fl-istess ħin appella għal qafas ġust fis-settur tan-negozju.

Hu qal li l-UE għandha żżid il-mobilita tal-ħaddiema fis-suq Ewropew. Il-Parlament Ewopew u l-Kunsill tal-Ministri huma mistennija li jilleġislaw dawn ir-regolamenti fix-xhur li ġejjin.

David Casa qal li l-UE għandha tassigura li dan il-moviment tal-ħaddiema jsir fi klima ta’ komeptizzjoni ġusta. Fl-2014 kien hemm 1.9 miljun ħaddiem tal-UE li kienu mibgħuta jaħdmu fi stati differenti. Bejn l-2010 u l-2014 dan in-numru żdied b’44.4%. Minkejja dan, l-ammont ta’ dawn il-ħaddiema jammonta biss għal 0.7% tal-ammont ta’ ħaddiema fl-UE. L-aktar pajjiżi fejn hemm konċentrazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema huma l-Belġju, il-Lussumburgu u l-Awstrija.