Lokali

Id-dettalji ġodda dwar l-Iskandlu Gaffarena jikkonfermaw kemm il-Gvern ta’ Muscat qed jegħreq fi kriżi ta’ korruzzjoni – il-PN

L-Affidavit tal-eks Direttur tad-Dipartiment tal-Artijiet Carmel Camilleri, kif ukoll ir-risposta tal-eks Segretarju Parlamentari Michael Falzon, ikomplu jikkonfermaw kemm il-Gvern ta’ Joseph Muscat jinsab fi kriżi ta’ korruzzjoni. Id-dettalji ġodda żvelati fl-aħħar sigħat ikomplu jitfgħu dubji ġodda dwar l-involviment ta’ Kastilja f’dan l-Iskandlu, hekk kif issa saru dikjarazzjonijiet li mhux biss kien hemm l-involviment dirett tal-Uffiċjali f’Kastilja, iżda wkoll li sar theddid biex dawn il-fatti ma jissemmewx fir-Rapport tal-Awditur Ġenerali.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Jason Azzopardi sostna li dak li qal l-eks Direttur tad-Dipartiment tal-Artijiet fl-Affidavit tiegħu jixħet dawl ġdid fuq dak li ġara kemm waqt li kien qed isir id-deal bejn Gaffarena u l-Gvern, kif ukoll fix-xhur ta’ wara meta dan id-deal inkixef u l-Awditur Ġenerali kien qed jinvestiga l-Iskandlu.

Jason Azzopardi sostna li bil-fatti ġodda żvelati, kollox jindika li kien hemm xi ħadd ieħor f’Kastilja li kien qed imexxi kollox f’dan l-Iskandlu. Qal li hu ċar li d-Dipartiment tal-Artijiet ma kienx qed jaġixxi minn jeddu, iżda skont struzzjonijiet diretti mill-Uffiċjali ta’ Kastilja, filwaqt li staqsa min kienu dawn l-Uffiċjali u jekk humiex biss relatati mal-eks Segretarju Parlamentari Michael Falzon jew mal-Ministru tal-Artijiet Joseph Muscat.

Jason Azzopardi rrefera wkoll għal laqgħa li kellha ssir ilbieraħ bejn l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali u l-Pulizija dwar investigazzjoni kriminali li tista’ u għandha ssir dwar l-Iskandlu ta’ Gaffarena. Staqsa x’inhuma l-iżviluppi wara din il-laqgħa, filwaqt li talab lill-Pulizija tikkonferma jew le jekk hux qed issir investigazzjoni kriminali. Hu esprima d-diżappunt tiegħu għall-fatt li l-Pulizija talbet għal laqgħa mal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali sitt ġimgħat wara li ġie ppubblikat ir-rapport dwar l-Iskandlu Gaffarena u għax għamel affidavit l-eks Direttur tad-Dipartiment tal-Artijiet. Kieku ma kienx hekk, il-Pulizija ma kienet se tagħmel xejn.

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet Ryan Callus ta ħarsa lejn l-aktar dikjarazzjonijiet importanti li għamel l-eks Direttur tad-Dipartiment tal-Artijiet fl-Affidavit tiegħu (ara isfel), filwaqt li temm jgħid li jekk Michael Falzon se jibqa’ jinsisti li l-ordnijiet ma tahomx hu lil Clint Scerri, għandu jgħid minnufih min kien qed jagħti l-ordnijiet lil Clint Scerri biex id-deal ma’ Gaffarena jkun jista’ jsir.