Internazzjonali

IL-BELĠJU: Ried jibni belt taħt l-art bi tfal maħtufa

Julien Pierre stqarr li Marc Dutroux (ritratt), is-serial killer pedofelu Belġjan ried jibni belt taħt l-art f’minjiera abbandunata fin-Nofsinhar tal-Belġju. Belt li kellha tkun mimlija bi tfal maħtufa.
Pierre, li kien iddefenda lil Dutroux fil-qorti Belġjana, stqarr dan f’intervista mar-rivista Soir Mag. Dutroux fl-2004 kien kundannat għal għomru l-ħabs minħabba l-ħtif u abbuż sesswali ta’ sitt itfal fil-Belġju u l-qtil ta’ erba’ minnhom..
Hu kien arrestat f’Awwissu tal-1996 u jumejn wara żewġ bniet, Laetitia Delhez u Sabine Dardenne, instabu ħajjin f’kantina ta’ dar li kien qed jikri f’Marcinelle, qrib Charleroi.
Fil-ġimgħat ta’ wara, instabu l-katavri ta’ żewġ bniet li kienu nħatfu f’Liege fl-1995. Huma kienu mietu bil-ġuħ fil-kantina ta’ dar oħra ta’ Dutroux u fil-ġnien ta’ dar oħra nstabu l-katavri ta’ żewġ bniet oħra li kien ħataf.