L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) fi stqarrija qalet li l-korruzzjoni u l-allegazzjonijiet serji li ħarġu fl-aħħar jiem qed itappnu l-fiduċja fit-tmexxija ta’ pajjiżna u fil-governanza tajba. “Dan kollu jista’ jwassal biex iħarbat il-ħajja taċ-ċittadin komuni, u tan-nies fin-negozju”.
Fi stqarrija l-MEA qalet li ma tistax tidher fuq livell internazzjonali bħala pajjiż li l-governanza hija tat-tieni klassi, u li m’aħniex nimxu mal-liġijiet. Fuq kollox, m’għandniex nilgħabu mat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna.
L-MEA insistiet illi jekk fl-arja ikun hawn sentiment ta’ nuqqas ta’ fiduċja, din għandha tiġi solvuta. Għalhekk l-MEA qed tgħid illi jekk hemm każi ta’ libelli illi tressqu minn xi politiċi, dawn għandhom jinstemgħu bla ebda dewmien sabiex toħroġ il-verita’.
L-istqarrija ittemm billi tgħid illi s-sitwazzjoni xejn sabiħa li qed ngħixu fiha bħalissa qed toħloq kriżi fil-valuri u theddida fuq il-fibra morali tas-soċjeta’ tagħna.
//= $special ?>