Internazzjonali

Ir-Reġina se tibqa’ newtrali fir-referendum dwar l-UE

Buckingham Palace ħa l-pass rari biex ċaħad rapporti fil-ġurnal Ingliż The Sun li kien sostna li r-Reġina Eliżabetta kienet favur li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea.
Dan hekk kif f’Ġunju se jsir referendum dwar jekk il-pajjiż għandux jibqa’ membru jew le. Buckingham Palace insista li f’din il-kwistjoni, imlaqqma Brexit, ir-Reġina kienet newtrali.
Sorsi qalu li kien inevitabbli li l-familja irjali Ingliża titkaxxar f’din il-kampanja minħabba l-importanza tagħha imma insistew li hi newtrali u imparzjali kif dejjem kienet fi kwisjtonijiet politiċi għal dawn l-aħħar 63 sena.
Min-naħa l-oħra Tom Newton Dunn, l-editur politiku tas-Sun, iddefenda l-istorja u qal li din kienet ġiet minn żewġ sorsi impekabbli. Parti kbira mill-istorja kienet ibbażata fuq konversazzjoni li kellha r-Reġina fl-2011 ma’ Nick Clegg, li kien id-Deputat Prim Ministru Ingliż u favur ħafna l-Unjoni Ewropea, fejn intqal kienet ċanfret l-UE.