L-Abbozz b’riformi fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja tfassal mill-Gvern b’għaġla, b’superfiċjalità u b’nuqqas ta’ kompetenza
Ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja, Jason Azzopardi, sejjaħ l-Abbozz ta’ Liġi li qed iressaq il-Gvern fil-Parlament dwar riformi Kostituzzjonali fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja, bħala Abbozz antikostituzzjonali, fjakk u falz.
Meta tkellem illejla fil-Parlament wara li l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici ressaq il-propsoti tal-Gvern dwar dan l-Abbozz, Jason Azzopardi fisser li hemm parti sostanzjali minn dan l-Abbozz li jikser il-Kostituzzjoni u saħaq li l-Gvern għandu jħares il-Kostituzzjoni u mhux jiksirha. Hu wkoll falz għaliex hemm l-ingann moħbi fih.
L-Oppożizzjoni favur pensjoni tal-ġudikatura
Fisser, iżda, li l-Oppożizzjoni taqbel mat-tieni parti tal-liġi, dwar il-pagamenti pagabbli lill-ġudikaturi meta jirtiraw wara karriera ta’ sagrifiċċji. Fakkar li Gvern Nazzjonalista f’Diċembru tal-2012, kien iffirma ftehim mal-ġudikatura fuq diversi affarijiet u dwar pakkett finanzjarju aħjar u pensjoni tal-ġudikatura, simili għall-pensjoni applikabbli għall-membri parlamentari.
Semma kif l-Abbozz ta Liġi jitkellem dwar il-miżuri ta’ dixxipplina. L-Oppożizzjoni hi favur mekkaniżmu li jipprovdi għal mezz ta’ dixxiplina, iżda fisser li fl-Abbozz kif ippreżentah il-Gvern, hemm problema ta’ natura Kostituzzjonali fejn jitkellem dwar id-dixxiplina tal-membri tal-ġudikatura.
Minkejja li dan l-Abbozz ta’ Liġi skont il-Gvern ilu jitfassal ix-xhur u b’konsultazzjoni, hemm artiklu tal-Kostituzzjoni li jmur kontra miżura ta’ dixxiplina kif proposta mill-Gvern fl-Abbozz. Din hi l-ewwel raġuni li l-Oppożizzjoni hi kontra dan l-Abbozz ta’ Liġi.
Gvern li rreaġixxa għall-mozzjoni li ppreżentat l-Oppożizzjoni fi Frar li għadda
Fisser li kif inhu llum, l-Abbozz fih dagħwiet Kostituzzjonali li juru l-għaġla tal-Gvern li rreaġixxa għall-mozzjoni li ppreżentat l-Oppożizzjoni fil-11 ta’ Frar li għadda dwar il-mod kif jinħatru l-ġudikanti fil-kriżi li ħoloq il-Gvern stess bil-mod kif innomina żewġ Maġistrati ġodda. Semma li l-iżbalji jikkonsisitu fi problemi strutturali li jwasslu għal ksur tal-ogħla liġi tal-pajjiż – il-Kostituzzjoni.
Elenka pass pass x’wassal biex il-Gvern ressaq dan l-Abbozz illum u ddikjara li l-Oppożizzjoni mhix se tivvota favur mekkaniżmu li jikser il-Kostituzzjoni u jneħħi l-indipendenza tal-ġudikatura.
Apella li sa għeluq id-dibattitu fil-Parlament, dan l-Abbozz ta’ Liġi jkun emendat biex ikun hemm qbil tal-Kamra kollha li hu importanti fuq dawn l-emendi Kostituzzjonali.
L-Oppożizzjoni temmen li fuq dan is-settur għandu jkun hemm kollaborazzjoni, kunsens u fiduċja bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra li fl-aħħar xhur seta’ sar aktar f’dan ir-rigward. Saħaq li l-agħar forma ta’ inġustizzja hi dik li ssir f’isem il-ġustizzja għaliex dan ikun ingann u travestija tal-ġustizzja kif fisser id-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi li kien membru wkoll fil-Kummissjoni Bonello.
L-Abbozz ma jipprovdix dwar xi jsir mill-kawżi li jkollu quddiemu ġudikant sospiż
Appella biex nemendaw bi ħsieb u mhux ta’ kafkaf. Filwaqt li l-Abbozz ta’ Liġi qed jgħid li jista’ jkun hemm sitwazzjoni ta’ ġudikant li jkun sospiż, l-Abbozz ma jipprovdix dwar xi jsir mill-kawżi li jkollu quddiemu ġudikant li jkun sospiż. Dan hu eżempju ta’ kemm l-Abbozz tfassal b’għaġla, superfiċjalità u nuqqas ta’ kompetenza.
L-Oppożizzjoni hi kontra l-proposti dwar il-ħatriet tal-ġudikatura. Jason Azzopardi spjega li l-proposti huma tal-waħx u li jinkwietaw lil kull min għandu għal qalbu l-qasam tal-ġustizzja.
Ħatriet bi proċess taparsi demokratiku
Ikkritika d-deskrizzjoni tal-Prim Ministru li jaħtar ġudikant bi proċess taparsi demokratiku għaliex il-Gvern se jkun qiegħed jinqegħda bil-Kummissjoni li se jkun qed iwaqqaf hu. Fisser li dan hu wkoll eżempju tal-għaġla u l-imkompetenza li tfassal bih dan l-Abbozz.
Meta tkellem għaliex il-Gvern ressaq illum dan l-Abbozz ta’ riformi, ix-Shadow Minister semma kif fil-bidu ta’ Diċembru li għadda tħabbar fil-media li r-riforma fil-ġustizzja hi mminenti. Ikkritika li dan l-abbozz illum jinjora r-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-Kummissjoni Bonello dwar kif isiru l-membri tal-ġudikatura u kif ikunu dixxiplinati.
Semma li l-Kummissjoni pproponiet riforma sħiħa fil-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, u dawn ġew injorati mill-Gvern stess li ħatarha.
Jason Azzopardi rrimarka li kieku l-Oppożizzjoni kienet fdata u rat il-proposti tal-Gvern, u kien hemm diskussjonijiet, l-Abbozz seta’ kien differenti. Iżda saħaq li l-Oppożizzjoni ma ġietx ikkonsultata.
Fakkar ukoll kif fit-12 ta’ Marzu 2015, il-Ministru wiegħed Abbozz ta’ Liġi “kbir” sal-aħħar ta’ dak ix-xahar. Iżda llum il-Gvern qed jippreżenta xi ħaġa b’reazzjoni għall-Abbozz li ppreżentat l-Oppożizzjoni fil-Parlament fi Frar li għadda, u b’għaġla. Semma li kien biss tliet ġimgħat ilu li l-Oppożizzjoni ssejħet mill-Gvern għal laqgħa kunfidenzjali, għalkemm l-Abbozz xorta ma ngħatax lill-Oppożizzjoni qabel ma ppreżentatu lill-media.
Irrimarka wkoll kif wara li fit-18 ta’ Mejju tas-sena l-oħra l-Gvern kien tkellem dwar ir-riformi fil-mod kif jinħatru l-ġudikatura, saru numru rekord ta’ stqarrijiet mill-Kamra tal-Avukati b’dikjarazzjonijiet li ma jiftakarhom qatt li xi darba saru.
Il-Gvern jinjora r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Bonello li ħatar hu stess
Spjega li l-bidu tal-kontroversja ilu jtektek dwar dawn ir-riformi kif iridhom il-Gvern, u issa laħaq punt li fih il-Gvern qiegħed jinjora r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Bonello li ħatar hu stess.
Semma wkoll kif xahar ilu fit-3 ta’ Frar, il-Kamra tal-Avukati esprimiet preokkupazzjoni għall-mod kif il-Ministru tal-Ġustizzja jkompli jinjora r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Bonello. Il-Kamra tenniet li kull darba li l-Ministru ma jiħux il-pariri tal-Kummisjsoni, ikun qiegħed jimmina l-kunfidenza pubblika fis-sistema tal-ġustizzja.
Il-Kamra tal-Avukati wkoll kellha kliem aktar iebes għaliex iżżeffnet fin-nofs wara li l-Gvern kien ħabbar iż-żewġ nomini għal Maġistrati ġodda li ħolqu kontroversja kbira u xokk fost l-Avukati bil-mod kif il-Gvern kien qed jikser il-Kostituzzjoni.
Il-Kamra tal-Avukati u l-midja bi kliem iebes
Għar-reazzjoni tal-Ministru Bonnici li qal li l-Kostituzzjoni ma nkisret f’ebda stadju, ix-Shadow Minister Jason Azzopardi qal li l-Kamra tal-Avukati stess kellha kliem iebes lejn il-mod kif saru ż-żewġ nomini u esprimiet id-diżappunt tagħha li l-Gvern ma baqax jikkonsulta magħha kif kien isir qabel Marzu 2013.
Semma wkoll kif fis-seduta parlamentari tat-3 ta’ Frar, l-Oppożizzjoni talbet lill-Gvern biex jagħti kummenti dwar in-nomini li kien għadu kemm ħabbar, u staqsiet jekk il-ħatriet kinux bi ksur tal-Kostituzzjoni. Fakkar li kien biss tard filgħaxija wara s-seduta parlamentari li l-Gvern irrifera l-każ lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja fuq persuna waħda.
Saħaq li l-kontroversja kibret minħabba nomini kontroversjali li kienu qed jiksru l-Kostituzzjoni u li dan wassal ukoll biex il-ħatra tat-tieni nomina għadha ma saritx sal-lum, meta dejjem il-ħatriet ta’ Maġistrati jsiru wara ftit jiem. Ikkritika lill-Gvern li dan id-dewmien hu biex jgħaddi ż-żmien biex tkun tista’ ssir il-ħatra.
Il-perjodu minimu biex jinħatar membru fil-ġudikatura għandu jogħla
Ix-Shadow Minister appella biex il-perjodu minimu biex jinħatar membru fil-ġudikatura, kif issuġġerixxiet ukoll il-Kamra tal-Avukati, għandu jogħla. Ikkritika lill-Gvern li dan ma jirdx jagħmlu. Semma wkoll kif huma diversi l-avukati li jaqblu li togħla l-età ta’ aktar minn seba’ snin bħala esperjenza meta hemm każi quddiem Maġistrat li jistgħu jwaslu sa 12-il sena ħabs.
Hu għalhekk ukoll, qal Jason Azzopardi, li dan hu Abbozz ukoll falz għaliex il-Gvern ma jridx jgħolli l-età tal-eliġibbiltà.
Ikkritika wkoll lill-Gvern li jrid jibqa’ jaħtar fil-ġudikatura lil min irid hu anke askapitu tas-serenità fil-bank tal-ġudikatura li issa ntilfet.
Semma u kkwota lill-midja f’pajjiżna li tkellmet ukoll dwar it-telfien ta’ din is-serenità bid-deċiżjonijiet li ħa l-Gvern.
Jason Azzopardi spjega li l-Oppożizzjoni trid li l-parir u d-deċiżjoni tal-Kummisjsoni għandha tkun l-aħħar kelma, togħla wkoll l-età minima tal-Imħallfin mnn 12-il sena għal 15.
Ix-Shadow Minister saħaq li l-Abbozz ta’ Liġi kif jippreżentat mill-Gvern jikser il-Kostituzzjoni fi tliet okkażjonijiet, appella lill-Gvern ibiddel l-Abbozz jekk irid lill-Oppożizzjoni tivvota wkoll favur, u biex iħalli l-politika barra l-Qrati.
//= $special ?>