Lokali

Jitfasslu l-akkużi wara l-inċident ta’ Paqpaqli għall-Istrina

Tħejjew l-akkużi kontra numru ta’ persuni nvoluti fl-inċident waqt l-attività Paqpaqli għall-Istrina, u ġew irreġistrati fil-Qorti, bl-amministrazzjoni tal-Qorti mistennija tassenja l-każ lil Maġistrat.

Il-ġurnal The Times żvela dan u kkwota sorsi li qalu li l-akkużi prinċipali nħarġu fil-konfront ta’ Paul Bailey, il-multi-miljunarju Ingliż li kien qed isuq il-karozza tiegħu li baqgħet dieħla fl-ispettaturi waqt l-attività ta’ Ottubru li għadda.

Se jiġu akkużati wkoll 11-il persuna nvoluti fl-organizzazzjoni tal-attività li kellha tiġbor fondi għall-Malta Community Chest Fund.

It-Times qalet li d-dettalji dwar l-akkużati għadhom kunfidenzjali sakemm ma jitressqux formalment fil-Qorti sakemm ma tkunx l-istess Qorti li tordna divjet fuq l-ismijiet.

Fl-aħħar ta’ Jannar, il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici ppubblika partijiet mill-konklużjonijiet tal-inkjesta Maġisterjali li kienet saret li kienet identifikat lil Bailey bħala l-persuna ħatja tal-inċident, li fih indarbu 23 persuna, uħud minnhom b’mod serju. Dakinhar ukoll, l-istess Ministru kien semma 11-il membru tal-kumitat organizzattiv bħala ħatja ta’ dak li ġara u kien qal li kienu se jinħarġu akkużi kontrihom.