L-eks-Segretarju Parlamentari u Deputat Laburista Michael Falzon għamel ukoll affidavit fuq l-iskandlu ta’ Gaffarena u bagħtu wkoll lill-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet Pubbliċi, u li fih jgħid li ma ndaħal bl-ebda mod lil xi uffiċjal tad-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern.
L-affidavit sar wara li nhar it-Tnejn filgħaxija fil-Kumitat Parlamentari dwar Kontijiet Pubbliċi, l-eks-Direttur fid-Dipartiment tal-Artijiet, Carmel Camilleri, ippreżenta affidavit li fih spjega fid-dettal kif kien ħassu taħt pressjoni kbira minn uffiċjal għoli f’Kastilja – mill-persuna li Michael Falzon kien ħatru biex ikun il-kuntatt bejn l-uffiċċju tiegħu u d-Dipartiment tal-Artijiet.
Nhar it-Tnejn filgħaxija fil-Parlament, waqt li kien qiegħed jitkellem il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami dwar l-iskandlu tad-Deputat Mexxej Laburista Konrad Mizzi, u ta’ dak li kien għadu kif kien żvelat fl-iskandlu l-ieħor ta’ Gaffarena li fuqu Michael Falzon kellu jirriżenja, Michael Falzon qal li l-għada, il-ġurnata tat-Tlieta (ilbieraħ), kellu jagħmel stqarrija dwar dak li kien żvelat mill-eks-uffiċjal għoli fid-Dipartiment tal-Artijiet.
Dwar dan l-iskandlu ta’ Gaffarena, u l-iżviluppi ġodda li ħarġu bl-affidavit tal-eks-Direttur tad-Dipartiment tal-Artijiet, il-Kap tal-Oppożizzjoni lbieraħ sejjaħ għar-riżenja ta’ Michael Falzon minn deputat fil-Parlament.
Fl-affidavit tiegħu, l-eks-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li ma kienx involut fl-għażla tal-perit biex jagħmel il-valutazzjonijiet tal-proprjetajiet involuti; li l-valutazzjonijiet kollha ntalbu u saru skont il-proċeduri tad-Dipartiment; li fl-ebda mument ma mar kontra l-pariri mogħtija lilu; ma ndaħalx fil-valutazzjonijiet involuti fil-każ u li ma ta struzzjonijiet lil ħadd biex il-każ jiġi trattat b’xi mod privileġġjat.
Fl-affidavit, l-eks Direttur fid-Dipartiment tal-Artijiet qal li Clint Scerri, bħala l-persuna li kienet il-kuntatt bejn is-Segretarjat Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u d-Dipartiment tal-Artijiet, kien jagħmel pressjoni kbira biex il-każ ta’ Gaffarena jitgħaġġel, b’Gaffarena kien jidħol meta jrid fid-Dipartiment tal-Artijiet, ħafna drabi akkumpanjat minn Clint Scerri.
Iddikjara wkoll li meta Clint Scerri, bħala uffiċjal tal-Ministeru li jieħu ħsieb l-affarijiet tad-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern, mar l-uffiċċju tiegħu flimkien ma’ Marco Gaffarena, kien qallu li kien mibgħut minn “Dr. Michael Falzon biex jara x’għandu bżonn dan Marco”.
Kien żvelat ukoll kif Clint Scerri kien itella’ l-file miegħu l-Ministeru dak il-ħin stess, u f’okkażjoni minnhom kien insista wkoll li kien se jara hu jekk hemmx biżżejjed fondi għall-esproprijazzjoni tal-art identifikata għal Gaffarena.
//= $special ?>