Lokali Parlament

L-Ispeaker jappella għar-rispett u diskors li jirrispetta lid-deputati u lill-Parlament

Il-President tal-Kamra tad-Deputati appella lill kull membru parlamentari għar-rispett reċiproku fil-mod kif jitpoġġa l-kliem kemm fid-domandi u fir-risposti.

Appella wkoll għal aktar attenzjoni fl-għażla tal-kliem u kif jitpoġġa u biex il-membri jużaw rispett lejn xulxin għaliex nuqqas ta’ rispett jikkwalifika lejn nuqqas lejn il-Parlament u lejn il-poplu li llum qiegħed isegwi d-dibattiti.

L-Ispeaker tal-Kamra, Anġlu Farrugia, għamel dawn l-appelli f’ruling li ta fil-bidu tas-seduta tal-lejla meta kien qiegħed jagħti deċiżjoni fuq talba tal-Ministru Joe Mizzi li talbu jagħti ruling f’battibekk li nqala’ max-Shadow Minister Marthese Portelli fil-ħin tal-mistoqsijiet tas-seduta tal-bieraħ filgħaxija.

Fis-seduta tal-bieraħ, Marthese Portelli ġibdet l-attenzjoni tal-Ispeaker li flok ma kien qiegħed iwieġeb, il-Ministru kien qiegħed jitgħajjar, bil-Ministru Mizzi jitlob ruling għax qal li qed jirrispondi skont ir-regolamenti tal-Kamra.

Fir-ruling li ta l-Ispeaker dwar dan il-battibekk, intqal li s-Sedja m’għandha ebda poter kif jitwieġbu l-mistoqsijiet u lanqas m’għandha dritt li tintervjeni fuq il-mertu tar-risposta ħlief jekk il-kliem ma jkunx diskors parlamentari skont l-ordnijiet tal-Kamra.

L-Ispeaker appella biex kull ħin fix-xogħol tal-Kamra għandu jintwera rispett kif il-membri jindirizzaw lil xulxin. Appella biex kull membru jqis kliemu u juri rispett għaliex b’dan ikun qed jintwera wkoll rispett lejn il-Kamra.

Spjega li hemm limitu sakemm membru għandu jibqa’ jinsisti fuq il-mistoqsija u m’għandux ikun hemm kliem abbużiv u dan minħabba li wara mistoqsija parlamentari sempliċi dwar triq fil-Mosta, intalbu mhux anqas minn erba’ point of orders li ddikjara fl-ebda każ ma kien point of order. Appella biex ma jintilifx ħin tal-Kamra.

Irrimarka wkoll li meta jitqajjem point of order, il-każ tar-regolamenti irid ikun ċar. Appella għal aktar rispett lejn ir-regolamenti tal-Kamra u wissa li mhu se jħalli ebda membru li jaħli l-ħin tal-Kamra billi jitressqu point of orders.

Il-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari, kif ukoll f’ħinijiet ukoll mis-seduti li saru fis-seduti ta’ din il-ġimgħa, kienu dominati minn diversi botti u risposti bejn il-Gvern, l-Oppożizzjoni kif ukoll id-Deputat Indipendenti Marlene Farrugia.