Qorti

Libjan li bata taħt idejn ribelli ta’ kontra Gaddafi ordnat jingħata kura psikoloġika f’Monte Karmeli

Libjan li kien ingħata protezzjoni f’Malta wara li kien ħarab mil-Libja wara l-waqgħa ta’ Gaddafi, minħabba li kien jimmilita favur Gaddafi, intbagħat sentejn u disa’ xhur priġunerija fl-Isptar Monte Karmeli u ordnat mill-Qorti biex jingħata trattament psikoloġiku wara li nstab ħati ta’ diversi akkużi.

Il-każ imur lura għat-22 ta’ Frar meta Munir Mohammed Ali Gammudi, li jgħix f’San Pawl il-Baħar, seraq minn diversi ħwienet fir-Rabat, Għawdex. L-oġġetti misruqa jinkludu ħwejjeġ u karkur fi Triq Palma, Pjazza Indipendenza u Triq Agius de Soldanis.

Fil-Qorti t’Għawdex il-Libjan kien akkużat ukoll li ħebb għal tliet residenti barranin f’residenza privata fi Triq Kerċem, fir-Rabat, Għawdex u li heddidhom b’sikkina, u li għamel ħsara fil-propjetà imma l-Qorti lliberatu minn dawn l-akkużi wara li l-allegat vittmi ddeċidew li ma jipproċedux kontrih.

Il-Qorti sabet lir-raġel ħati wkoll li wettaq reat waqt li kien qed jiskonta sentenza sospiża u li kiser kundizzjonijiet ta’ libertà proviżorja. Is-sentenza effettiva ta’ priġunerija tinkludi sentejn li kienu ngħataw fis-sentenza sospiża u tliet xhur għall-ksur tal-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.

Fl-għoti tas-sentenza, il-Maġistrat Joe Mifsud innota li r-raġel kien ibati minn trawma psikoloġika wara t-trattament diżuman li sofra f’idejn ir-ribelli wara li waqa’ r-reġim ta’ Gaddafi li tiegħu hu kien sostenitur. Ir-raġel kien ħarab lejn Malta fejn kien ingħata protezzjoni mill-awtoritajiet.