BLOGS

Pajjiżna Sejħilna … u Weġibna

“U l-kotra qamet f’daqqa u għajtet, jiena Maltija, miskin min ikażbarni, miskin min jidħak bija…” Is-silta poetika ta’ Rużar Briffa, sabet tifsira estiża fil-kotra ta’ eluf li ingħaqdet biex issemma’ leħinha kontra l-Gvern u twassal messaġġ fl-akbar protesta nazzjonali kontra l-korruzzjoni. Il-kotra ssejħet minn Partit Partiġġjan imma li jqis l-interessi nazzjonali bħala l-bażi ta’ ħidmietu, u wieġbet u llum nistgħu nilmħu aktar kif dal-Gvern qiegħed ikompli jnaqqas mill-popolarità li kiseb matul dawn l-aħħar 8 snin.

Spiss jingħad li ġimgħa hija twila fil-politika, daqstant aktar huma 8 snin li fihom Joseph Muscat ilu jmexxi l-PL, u llum il-Partit Laburista qiegħed jikkonferma li mess il-qiegħ u nqata’ għal kollox mir-realtajiet politiċi meħtieġa. Il-kotra li nġabret fil-Belt il-Ħadd li għadda, jekk xejn tista’ titiqies bħala appoġġ għall-Partit Nazzjonalista, hija minnha nnifisha turija ta’ poplu li qed jitlef il-fiduċja fil-Partit Laburista fil-Gvern; prova li l-korruzzjoni ma hix aktar u ma għandhiex tkun aktar tagħmel sehem mill-vokabolarju politiku ta’ pajjiżna. Din hija l-wegħda tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, li jxejjen il-korruzzjoni.

Il-messaġġ kompla jafferma ruħu lil hinn mill-Belt Valletta, fil-gżira Għawdxija fejn il-partitarji ‘għomja’ tal-Labour laqgħu lil Konrad Mizzi fosthom bħala eroj, meta fir-realtà huwa Ġuda li mhux biss ittradixxa lil Malta u l-fiduċja politika li pajjiżna ilu jibni snin, imma ttradixxa wkoll lid-delegati Laburisti li approvawh bħala Deputat Mexxej, messaġġ sottili li qed japprovaw kull azzjoni li tmur kontra kull etika ministerjali ta’ Gvern f’pajjiż demokratiku.

Immorru pass lura.

Fil-jiem li wasslu għall-protesta nazzjonali, il-midja soċjali xegħlet bid-diskors ta’ kważi 35 sena ilu, dak tal-11 ta’ Ġunju tal-1982 li fih il-Maltin ġew imsejħa biex iwieġbu għall-korruzzjoni li dik il-ħabta kienet fniet lil pajjiżna (sintomu ta’ Partit Laburista?). Qatt daqs din il-ġimgħa, ma nħass releventi mill-ġdid dan id-diskors li l-Ħadd li għadda, kien għadu hemm, jinħass jivvibra fost il-Maltin ġenwini, fost dik il-kotra li wieġbet għas-sejħa tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, li ġustament irid ibiddel il-korsa perikoluża li qabad dan il-pajjiż.

Huwa skandaluż u inaċċettabbli li pajjiżna huwa mmexxi minn min għandu x’jaħbi. Huwa skandaluż u inaċċettabbli li f’pajjiżna għandna Prim Ministru jiddefendi dak li hu indifensibbli. Huwa skandaluż u inaċċettabbli li f’pajjiżna għandna lil min qed japprova prassi antidemokratiċi u ksur sfaċċat ta’ etika… daqskemm mhumiex skandaluż u inaċċettabbli li matul dawn l-aħħar jiem, pajjiżna kiseb popolarità negattiva f’diversi pajjiżi ‘l barra mill-Ewropa li lkoll qed ixandru b’dak li nħema fl-ibgħad irkejjen tad-dinja minn Ministru, Chief of Staff bil-kollaborazzjoni ta’ Prim Ministru!

Għalhekk, kien għaqli min-naħa tal-Partit Nazzjonalista li waqaf quddiem din l-arroganza u sejjaħ in-nies biex tinġabar ftit passi lil hinn mill-bini tal-Parlament, li jissombilizza lil dan il-pajjiż; pajjiż matur u demokratiku. B’koinċidenza jew le, il-ġemgħa tawlet mill-Parlament il-ġdid sal-Parlament l-antik, tul triq ir-Repubblika kollha, xhieda ta’ mixja minn żmenijiet fejn pajjiżna ssielet sabiex ikun ħieles minn kull madmad li jtappan il-progress demokratiku assolut sal-ġurnata tal-lum li fih ninsabu f’mument imdellel ta’ pajjiż ‘ħieles’ imma maqbud fi prassi korrotti li jxekklu dejjem aktar din l-istess mixja progressiva.

Li pajjiżna jixraqlu aħjar mhuwiex stat ta’ fatt li rrid inwieġeb għalih jien. Mhux il-kompitu tiegħi bħala politiku li nasal għall-konklużjonijiet. Il-konklużjonijiet jixirfu fil-ġranet u l-ġimgħat li ġejjin. Jekk il-Prim Ministru jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu – kif jidher li se jagħmel – favur il-korruzzjoni, allura l-Partit Nazzjonalista jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu favur politika onesta, nadifa u ta’ tama għax dal-pajjiż ma jixraqlu xejn ħlief dawn l-ingredjenti lkoll flimkien.

Daqt jasal il-mument li pajjiżna jsejħilna mill-ġdid, u nwieġbu favur is-sewwa, għax hekk dejjem ingħad u dejjem hekk kien: “is-Sewwa Jirbaħ Żgur”!

Justin Schembri hu kandidat tal-Partit Nazzjonalista fuq it-8 Distrett.
Verżjoni ta’ dan l-artiklu dehret fil-ġurnal In-Nazzjon tal-Erbgħa, 9 ta’ Marzu 2016.