Lokali

Anqas flus fil-but tiegħek – SĦPN tisfida lil Muscat

Bħal dan iż-żmien sena il-Prim Minsitru Joseph Muscat, flimkien mal-Ministri Edward Scicluna u Helena Dalli kienu ħabbru l-miżuri li se jieħu l-Gvern kontra l-prekarjat.

Fi stqarrija is-Solidarjeta’ Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN) qalu li l-PM Muscat kien iddeskriva l-prekarjat bħala mudell soċjalment inġust u għalhekk dawk li se jibqgħu jippersistu billi joffru dan il-mudell kienu se jiġu mċaħħda minn xogħol mal-Gvern.

Fl-istess konferenza kien tħabbar ukoll li kienet ser tkun indirizzata il-problema ta’ ħlas differenti għall-istess xogħol. Din il-problema kienet diġa’ ssemmiet mill-Ministru Chris Cardona f’Settembru 2013. F’Ġunju 2013 id-Deputat Prim Ministru Louis Grech, waqt laqgħa mall-GWU, kien qal li din il-kwistjoni kienet diskussa fil-kabinett u kellna nistennew liġi f’dan ir-rigward.

Il-Gvern kien ħabbar numru ta’ miżuri fosthom li kumpaniji li jinqabdu jħaddmu ħaddiema b’xogħol prekarju jistgħu jitilfu l-kuntratt li jkollhom mal-Gvern, u saħansitra jiġu blacklisted u ma jkunux jistgħu jieħdu sehem f’kuntratti oħra għal perjodu bejn sitt xhur u sentejn. Qalu wkoll li kellu jitwaqqaf tribunal għal sanzjonijiet kummerċjali fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi sabiex jiddeċiedi dawn il-każijiet.

Huma saqsew il-għalhiex il-cleaners fl-iskejjel tal-Gvern li huma mħallsin b’ €4.20 is-siegħa u jekk jidħlu l-Ħadd jitħallsu l-istess. Skont tagħrif li ħareġ riċentament fil-Parlament, il- kuntratti ta’ dawn il-ħaddiema jiġġeddu kull tlett xhur. Huma sostnew li l-ħażin hawnhekk hu li fuq naħa l-Gvern jgħid li qed iniedi miżuri biex jeqred il-prekarjat, meta bil-fatti jkun qed jaġixxi mod ieħor u minflok il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema qed jikkalkula biss kemm se jiffranka minn fuq darhom.

Huma qed issaqsu kemm qed jitħallsu mgħand l-istess Gvern il-kuntratturi li qed iħaddmu lil dawn il-ħaddiema?

Huma saqsew il-għalhiex dawk il-mijiet ta’ Pulizija li ħadmu siegħat twal fiċ-CHOGM u l-Valletta Summit se jkunu qed jieħdu ħlas żejjed ta’ €1 s-siegħa għal kull siegħa żejda li għamlu.

Huma qalu li mhux l-istess jista’ jingħad għal-lista twila ta’ konsulenti mal-Gvern ħafna minnhom f’pożizzjoni ta’ fiduċja lil’hinn minn kull meritokrazija. Minn tagħrif ieħor fil-Parlament għall-mistoqsija tad-deputat Kristy Debono, inħareġ li l-Gvern iħallas €3.2 miljuni fis-sena f’konsulenzi.

Jekk tgħodd il-paga ta’ €13,000 fix-xahar, jew €156,000 fis-sena li ħadet il-mara tal-Ministru Konrad Mizzi mal-ammont li l-poplu qed iħallas f’konsulenzi dan jammontaw għal kważi €3.4 miljuni fis-sena u dan jekk ma jingħaddux it-€30 miljun fis –sena li qed jingħataw l-Ispanjoli biex iħaddmu t-trasport pubbliku, u l-$14-il miljun li tlifna minn fuq ix-xiri taż żejt mill-Ażerbajġan u ma jingħadux l-€14-il miljun li tlifna minn fondi Ewropej fuq żewġ proġetti.

Kieku dawn il-miljuni, il-Gvern qassamhom fuq min almenu jaħdem bil-paga minima, dan kienu jieħdu fil-but €6.45 fil-ġimgħa apparti iż-żieda ta’ €1.75 tal-aħħar baġit. Iġifieri ħaddiem bil-paga minima kien idaħħal €426 iktar fis-sena jew €8.20 fil-ġimgħa. Iżda l-prijorita’ tal-Gvern tidher li qiegħdha x’imkien ieħor.

L-SĦPN qalu li l-ftaħir li l-ekonomija sejra tajjeb mhux jinħass min-nies. Żgur li qed iħossu li sejrin tajjeb numru żgħir ta’ nies fiċ-ċirku ta’ Muscat. Għalhekk dawn se jkomplu jtambru ma’ ras kulħadd li l-ekonomija sejra tajjeb u li pajjiżna qatt ma kien tajjeb daqs illum. Għalihom żgur li jaqblilhom li jikkonvinċu lil-poplu kemm pajjiżna sejjer tajjeb.

SĦPN tisfida lill-PM Muscat sabiex jwieġeb:

• Kemm kumpaniji barranin fetħu f’Malta f’dawn l-aħħar tlett snin?
• Kemm niċeċ ta’ xogħol ġodda inħolqu f’pajjiżna?
• Kemm ġie investiment barrani bħal ngħidu aħna miċ-Ċina u l-Ażerbajġan?
• Kemm qed iħaddmu nies dan il-kumpaniji l-ġodda li fetħu?
• Kemm żdiedu l-ħaddiema jaħdmu bil-paga minima?
• Kemm hawn barranin f’Malta jaħdmu bil-paga minima?
• Kemm żdiedu n-nies mal-Gvern jew aġenziji tiegħu?
• X’ livelli ta’ pagi għandhom dawn?
• Kemm kumpaniji ġew blacklisted mill-Gvern għax iħaddnu l-mudell tal-prekarjat?
• Kemm minnhom tilfu l-kuntratti mal-Gvern?
• Min huma l-membri li jiffurmaw it-Tribunal għal Sanzjonijiet Kummerċjali?
• Kemm iddeċieda każijiet s’issa?
• X’qed jagħmel il-Gvern bil-flus li qed idaħħal mill-bejgħ tal-passaporti?
• Kemm biegħ passaporti s’issa?
• Kif jista’ l-gvern jgħin lil min għandu pagi baxxi bil-flus li ġejjin mill-bejgħ tal-passaporti?
• Kif se jkun ikkumpensat il-ħaddiem għas-serq sfaċċat mill-Petrol u d-Diesel għal dawn l-aħħar sentejn?