Mill-4 ta’ April li ġej, il-Kunsilli Lokali se jiġbru l-iskart goff u l-iskart li ġej minn apparat elettroniku, magħruf bħala Waste Electrical and Electronic Equipment (WEEE) bi proċedura ġdida.
Għaldaqstant, il-pubbliku qed ikun imħeġġeġ li meta jikkuntattja lill-Kunsill Lokali tiegħu biex jarmi l-iskart goff, għandu jiddiskrivi b’mod preċiż il-materjal li jixtieq jarmi ħalli l-iskart ikun mormi skont il-proċeduri l-ġodda.
Bi qbil bejn is-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali, il-Ministeru tal-Ambjent u l-MEPA, mill-15 ta’ Marzu, il-Kunsilli Lokali kollha se jibdew jimlew formoli apposta qabel ma jiddisponu mill-iskart goff u l-WEEE. Dawn il-formoli jaslu għand il-MEPA, li tagħti l-permessi neċessarji lill-Kunsill ħalli jarmi l-iskart skont il-kundizzjonijiet marbuta mal-permess.
Barra minhekk, ma jistax jintrema skart jekk ma jkunx hemm id-dokumentazzjoni kollha miġbura u mgħoddija sew. Permezz ta’ din il-proċedura, se jkun hemm traċċa ċara ta’ minfejn oriġina l-iskart, min qed jiddisponi minnu u fejn se jiġi dispost.
Din il-proċedura qed tidħol fis-seħħ permezz ta’ Avviż Legali. Grazzi għal din il-proċedura ġdida, Malta se tkun qed timxi mad-Direttiva Ewropea dwar l-Iskart Elettroniku u b’hekk tidħol aktar kontabbiltà fir-rimi tal-iskart li tippermetti li ma jkunx hemm abbuż fir-rimi tal-iskart.
//= $special ?>