Futbol Sport

Carlos Vela jagħżel id-divertiment mill-futbol

L-eks attakant ta’ Arsenal Carlos Vela daħħal f’dubju il-futur tiegħu ma’ Real Sociedad wara li nqabad jattendi f’kunċert ta’ Chris Brown. Il-Messikan kien qal li jinsab ma jiflaħx u falla t-taħriġ, iżda uża din l-iskuża biex imur jara l-istilla tal-hip-hop.

Iżda Vela nesa’ xi ħaġa li llum ma tistax taħrab minnha li hi l-media soċjali u nqabad f’ritatt flimkien mal-Franċiż Antoine Griezmann fil-post fejn Chris Brown kien qed jagħti l-kunċert. Riżultat ta’ dan, Vela tneħħa mill-ewwel skwadra mill-kowċ Eusebio Sacristan, deċiżjoni li nqablet ukoll mill-kaptin Xabi Prieto.

“Il-kowċ iddeċieda li Vela ma jkunx parti mill-grupp u aħna nirrispettaw id-deċiżjoni. Hi sorpriża meta kollega tiegħek ma jiġix għat-taħriġ u din ma niżlitx tajjeb mal-kumplament tat-tim u aħna għidnilu hekk. Vela qal li jiddispjaċih u li kieku seta’ dawwar il-ħin ma kienx jerġa’ jagħmilha,” qal Prieto waqt konferenza stampa.

Din mhix l-ewwel okkażjoni li Vela kellu nuqqas ta’ qbil mal-awtorità fosthom mat-tim Nazzjonali Messikan li ħallietu barra mit-Tazza tad-Dinja tal-2014, bis-sanzjoni tkun relatata wkoll ma’ divertiment.