Steve Saliba, ta’ 24 sena mill-Gżira u li lbieraħ filgħaxija allegatament spara lejn raġel ieħor f’garaxx fi Triq Luqa Briffa fil-Gzira stess, illum ġie mixli fil-Qorti li mingħajr il-ħsieb li joqtol jew li jqiegħed f’periklu ħajjet Roger Sciberras, sparalu tir b’arma tan-nar.
Saliba kien mixli wkoll li ġarr fil-beraħ arma tan-nar, li kkommetta dan ir-reat f’distanza ta’ 200 metru mill-abitat u fuq medda ta’ 50 metru minn triq prinċipali, li hedded lil Sciberras u beżżgħu, li qal kliem oxxen fil-pubbliku, kif ukoll li ġarr l-arma mingħajr liċenzja.
Rapporti qed jgħidu li l-inċident beda wara argument dwar switch tal-main tal-elettriku, hekk kif xi ħadd minnhom beda jgerger li kien hemm min kien qed jixgħel u jitfi d-dawl. L-argument eskala tant li wassal għall-isparatura.
L-akkużat ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ 1,000 ewro u garanzija personali ta’ 5,000 ewro. Huwa ġie ordnat ukoll biex ma jersaqx lejn Sciberras u l-familja tiegħu, kif ukoll li ma jersaqx lejn il-kumpless tal-garaxxijiet fejn seħħ il-każ.
L-Avukat Albert Zerafa qed jidher għall-akkużat, filwaqt li l-Avukat Stephen Farrugia Sacco qed jidher bħala parte civile għall-vittma. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Joseph Mercieca u Lara Butters.
//= $special ?>

