Il-Qorti qed tintalab tara jistgħux jiġu sospiżi l-proċeduri fil-każ li fetaħ il-Gvern kontra Gaffarena biex ikun revokat id-deal ta’ espropjazzjoni li gawda minnu Gaffarena. L-argument ta’ Gaffarena f’dan id-digriet jitratta kunflitt ta’ interess fuq in-naħa tal-Gvern.
L-Avukat Keith Bonnici, li qed jidher għal Gaffarena, ippreżenta r-Rikors quddiem l-Imħallef Anna Felice, li qed tmexxi l-każ. Min-naħa tagħha, il-Qorti mistennija tagħti risposta fl-4 ta’ April li ġej.
Ix-xahar li għadda, Gaffarena sostna l-pożizzjoni tiegħu mal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja li l-Avukat Ġenerali Peter Grech u l-Avukati Victoria Buttigieg u Christian Falzon Scerri kien qed jiksru l-Kodiċi ta’ Etika minħabba kunflitti ta’ interess.
Fis-seduta ta’ dalgħodu, l-Avukat ta’ Gaffarena sostna li jekk il-Kummissjoni taċċetta r-Rikors li ressqu, il-proċeduri fil-Qorti jistgħu jitwaqqgħu. Kien għalhekk li talab li l-każ jiġi sospiż sakemm tinħareġ il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja toħroġ b’deċiżjoni.
Min-naħa tiegħu, l-Avukat Ġenerali Peter Grech qal li Gaffarena u l-Avukat tiegħu qed jippruvaw iwaqqfu l-proċeduri fil-Qorti għalkemm m’għandhomx bażi legali biex jagħmlu dan. Allaħares naslu fi stat li nqisu lill-Avukat Ġenerali bħala kunflitt ta’ interess meta jkun qed iħares l-interess pubbliku, sostna Grech.
Sadanittant, f’Rikors separat li tressaq fil-ġimgħat li għaddew, l-Avukat ta’ Gaffarena qed isostni li l-Prim Ministru ma jistax jattakka ftehim li awtorizza hu stess bħala l-Ministru responsabbli mil-Lands. Staqsa kif jista’ l-Prim Ministru jieħu passi kontrieh innifsu bħala Ministru tal-Lands.
Id-deal, li sar magħruf biss grazzi għall-media, wassal biex Gaffarena ngħata €3.4 miljun f’artijiet u flus kontanti mingħand il-Gvern għall-espropjazzjoni ta’ nofs binja fi Triq Zekka fil-Belt. Max-xhur sar magħruf li l-valur tal-binja fi Triq Zekka kien ta’ €900,000.
Investigazzjoni mill-Awditur Ġenerali dwar dan il-każ wassal biex id-deal jiġi meqjus bħala wieħed li sar b’konfoffa, tant li wassal għar-riżenja ta’ Michael Falzon minn Segretarju Parlamentari.
F’dik il-kariga politika, Falzon kien jaqa’ taħt ir-responsabbiltà politika tal-Prim Ministru Joseph Muscat, li hu l-ewwel Prim Ministru li żamm taħt idejh ir-responsabbiltà politika tal-Ministeru tal-Lands.
//= $special ?>