Twaqqaf fond bil-għan li jinġabru €6,500 meħtieġa biex il-fdalijiet tax-xjentist Tony Dyson jinġarru minn Malta lejn l-Ingilterra biex il-ġisem jiġi kremat.
Il-qraba u l-ħbieb tal-inventur tar-robot R2-D2 ta’ Star Wars qalu li jeħtieġu dawn il-flus biex Dyson jiġi kremat minħabba li Malta ma toffrix dan is-servizz.
Fuq is-sit GoFundMe huma qalu li l-ewwel xewqa ta’ Dyson kienet li ġismu jingħata għar-riċerka xjentifika imma minħabba ċ-ċirkustanzi ta’ mewtu, dan ma jistax isir peress li kien ilu mejjet meta nstab. Huma jaħsbu li t-tieni l-ikbar xewqa tiegħu kienet il-kremazzjoni li tiswa $8,000. Huma qalu li l-fondi meħtieġa se jmorru biss għall-kremazzjoni imma ħbiebu u qrabatu m’għandhomx dawn il-flus disponibbli.
Dyson, ta’ 68 sena, instab mejjet ftit ġranet ilu fir-residenza tiegħu f’Għawdex. Hu kien ilu jgħix fil-gżejjer Maltin mis-snin 90.
F’intervista ma’ NETnews.com.mt, ħabib ta’ Tony Dyson, Ican Cefai, ddeskrivih bħala “bniedem ċajtier”.
//= $special ?>