Lokali Parlament

Ħtieġa ta’ preżenza aktar qawwija u viżibbli ta’ pulizija f’San Pawl il-Baħar

Appell biex il-Pulizija tikkontrolla l-influss f’San Pawl il-Baħar ta’ 10,000 żgħażagħ għal żmien il-Għid biex jitnaqqsu l-inċidenti u l-abbużi

F’sitwazzjoni li fiha l-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar li tinkludi wkoll Buġibba u l-Qawra, hi nieqsa sew minn membri tal-Pulizija bil-ħtieġa ta’ aktar pulizija ssir dejjem aktar urġenti, id-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea appella għal aktar kontrolli u preżenza aktar qawwija u viżibbli ta’ pulizija meta fil-vaganza tal-Għid hu mistenni influss kbir ta’ madwar 10,000 żgħażagħ li se jkunu residenti fil-lukandi tal-lokalità.

Dan biex ma tirrepetix is-sitwazzjoni li kienet esperjenzata fil-lokalità s-sena li għaddiet fejn kienu rappurtati ħafna lmenti, inċidenti u abbużi.

Fil-Parlament, id-Deputat Nazzjonalista għamel riferenza għall-organizzazzjoni ‘Lost & Found’ li qiegħda ġġib grupp ta’ żgħażagħ f’ammonti kbar alloġġjati f’lukandi fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar għaż-żmien tal-Għid. Spjega li dan hu fattur pożittiv għall-attività ta’ kummerċ f’San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra. Iżda wissa li jeħtieġ li r-residenti ma jgħaddux mill-istess esperjenzi tas-sena li għaddiet meta l-grupp li kien inġieb kien ferm anqas, ta’ madwar 6,000.

Din is-sena, saħaq Ċensu Galea jeħtieġ li jkun kontrollat il-burdell fit-toroq u ċertu abbużi li kienu saru saħansitra wkoll fil-ġurnata tal-Ġimgħa l-Kbira.

Appella lill-Korp tal-Pulizija li jindirizza sitwazzjonijiet bħal dawn u jkun preżenti. Appella wkoll li issa li hemm bidla wkoll fit-tmexxija tal-Kunsill Lokali, ma jkunx hemm attakki fuq il-Kunsill b’rabta ma’ din is-sitwazzjoni.

Nuqqas ta’ pulizija fl-għases ta’ San Pawl il-Baħar u l-Qawra
Ċensu Galea spjega kif il-Pulizija fil-lokalità lanqas mhi qed tlaħħaq mad-dmirijiet tagħha ta’ kuljum, u mal-ħtiġiet tar-residenti minħabba nuqqas ta’ pulizija li huma stazzjonati fl-Għassa ta’ San Pawl il-Baħar u dik fil-Qawra.
Il-Korp tal-Pulizija għandu jassigura li jkun hemm dejjem in-numru ta’ pulizija meħtieġa f’lokalitajiet b’ċertu diffikultajiet u b’ċirkustanzi partikolari.

Sejjaħ is-sitwazzjoni ta’ numru mhux adegwat ta’ pulizija fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar bħala mhix ġusta fuq il-membri tal-Korp stazzjonati fil-lokalità minħabba li jagħmlu kemm jagħmlu ħinijiet u xogħol, qatt ma jistgħu jlaħħqu.

IMG_1828

Dan hu rifless ukoll fil-kummenti li jsiru fil-midja soċjali b’rabta ma’ xogħol il-Pulizija fid-distrett li jaqdu dmirhom iżda li qatt ma jistgħu jlaħqu mal-volum kbir ta’ xogħol meta mhux biss hemm ir-residenti, iżda hemm ukoll it-turisti u dawk li jiġu għad-divertiment.

Irrimarka li ripetutament jagħmel l-istess mistoqsijiet parlamentari lill-Ministru responsabbli mill-Pulizija fuq il-ħtieġa ta’ preżenza ta’ pulizija aktar qawwija u viżibbli f’San Pawl il-Baħar meta jkunu qed jiġu attakkati l-membri tal-pulizija għax ma jkunux qed ilaħħqu max-xogħol fid-distrett. Saħaq li l-membri tal-Pulizija għandhom jingħataw ir-rispett tagħhom.

Serq fit-triq
Tkellem ukoll dwar fenomenu ieħor fil-lokalità – is-serq minn fuq persuni li jkunu għaddejjin fit-triq, u li dwaru wkoll qed ikun hemm diversi lmenti u tgergir li qed joħloq ukoll ambjent ta’ nuqqas ta’ sigurtà.

F’risposta li ta l-Ministru għal mistoqsija li għamillu dwar kemm kienu l-każi rappurtati lill-Pulizija f’Buġbba, l-Qawra u San Pawl il-Baħar, irriżulta li fl-2015 kien hemm erba’ okkażjonjiet ta’ serq, u din is-sena sa Frar ma sar ebda rappurtat.

Quddiem dawn il-ftit każi rappurtati, Ċensu Galea appella li min kien vittma ta’ dan is-serq, iressaq il-każ lill-Puliizja għax dan hu importanti meta jittieħdu d-deċiżjonijiet fil-Korp biex jiġu indirizzati dawn is-sitwazzjonijiet fil-lokalità. Appella lill-Korp biex jara kif se jiżdiedu l-pulizija f’din iz-zona residenzjali, turistika u ta’ divertiment, għax saħaq li hu importanti li l-Pulizija tkun proattiva u bi preżenza aktar qawwija ta’ pulizija.

Ir-residenti huma allarmati fuq in-nuqqas ta’ sigurtà
Semma li hemm 300 triq mifruxa fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar bin-nies qed tħoss li l-Pulizija għandha tkun aktar frekwenti fit-toroq u aktar viżibbli.

Fiż-żewġ għases fil-lokalità, fil-Qawra u San Pawl il-Baħar, in-numru ta’ pulizija hu anqas minn dak li hu meħtieġ. Is-sitwazzjoni ssir aktar diffiċli quddiem il-ħtiġiet ta’ numru kbir ta’ stabbilimenti ta’ divertiment li ħafna drabi jkunu s-sors tal-problema meta jkun hemm okkażjonijiet ta’ abbuż u l-Pulizija tkun mitluba tintervjeni. Semma każ ta’ nies li raw raġel ikaxkar mara minn xagħarha.

Sejjaħ ukoll għal preżenza akbar ta’ karozzi tal-pulizija li tgħin biex jitnaqqsu l-inċidenti u tagħti sens akbar ta’ sigurtà. Dan hu urġenti għaliex ir-residenti huma allarmati fuq in-nuqqas ta’ sigurtà li qed iħossu. Nisa qed jilmentaw li ma jistgħux jibqgħu barra wara l-10pm. Fisser li n-nies jirrakkontaw dawn l-istejjer għax huma nkwetati.
Semma wkoll sitwazzjoni li tolqot ċertu postijiet fejn qed jinġabru, f’kantuniera partikolari, gruppi ta’ barranin residenti fil-lokalità u fejn qed ikun hemm ukoll abbużi. Appella biex il-Pulizija wkoll għandha tintervjeni biex tradizzjonijiet ta’ dawn il-persuni ta’ nazzjonalità barranija m’għandhomx jiġu prattikati barra u fil-pubbliku.

Qawra

It-triq tul ix-xatt ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra fi stat ħażin
B’rabta max-xogħlijiet li se jsiru fil-proġett tal-Kappara u t-toroq li se jsiru għad-devjazzjoni tat-traffiku, Ċensu Galea appella biex ma jsirux nuqqasijiet bħalma saru fix-xogħlijiet li saru b’rabta ma’ Triq il-Kosta, fejn ma kienx sar ix-xogħol li kien mistenni li jsir. Saħaq ukoll li x-xogħol ħażin li kien sar, għandu jittranġa u jisr sewwa.

Meta tkellem dwar l-infrastruttura meħtieġa fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, id-Deputat Nazzjonalista semma t-triq tul ix-xatt u l-kosta b’tul ta’ 4.5 kilometri, li minn ħdejn il-Gillieru twassal sal-grawnd tal-futbol.

Spjega li din it-triq għadha fi stat ħażin ħafna u teħtieġ investiment ta’ aktar minn €2 miljun. Appella biex meta tidħol it-taxxa fuq it-turiżmu, il-Gvern jirrealizza li għandu jsir sforz biex issir il-manutenzjoni meħtieġa ta’ din it-triq li fissirha bħala arterja li tagħti jew toqtol in-nifs ta’ San Pawl il-baħar, Buġibba u l-Qawra.

Appella lill-Gvern li d-dħul ta’ €7 miljun fis-sena li se jdaħħal minn din it-taxxa, il-Gvern għandu jara li dawn jintefqu f’investiment li hu neċessarju. Irrimarka li jkun inutli li niftaħru biż-żieda fit-turisti u fid-dħul akbar mill-attività ekonomika, iżda ma jsirx l-investiment meħtieġ.

Ir-residenti fiz-zona tas-Salina għadhom b’aċċess skomdu
Semma li wara li diġà għaddew tliet snien ta’ dan il-Gvern, għadu ma tlestiex il-proġett tas-Salini li kellu jitlesta sal-aħħar tas-sena li għaddiet, u meta sal-lum, it-tmiem tax-xogħol ma jista’ jasal fi tmiemu qatt.

L-istess jista’ jingħad għar-residenti fiz-zona tas-Salina, li wara li l-Gvern għalqilhom l-aċċess komdu li kellhom, għadhom sal-lum b’aċċess skomdu minn triq li hi fost l-aktar perikoluża.

Tmien pelican lights li kellhom isiru sa nofs Marzu għadhom ma sarux
Appella wkoll biex isir sforz sa qabel il-vaganzi tal-Għid biex isiru t-tmien pelican lights li huma tant meħtieġabiex jintaqqsu l-inċidenti u l-periklu, u li kellhom isiru sa nofs Marzu fit-triq li minn St Andrews twassal sal-Qawra.