Il-Bank Ċentrali Ewropew naqqas ir-rata bażi tal-imgħax minn żero punt żero ħamsa għal żero bħala parti minn pakkett ta’ miżuri immirat biex tingħata spinta lill-ekonomija taż-żona ewro.
Il-bank se jespandi wkoll il-programm ta’ quantitative easing minn sittin biljun għal tmenin biljun ewro fix-xahar.
Din l-iskema issa se tinkludi wkoll ix-xiri ta’ bonds ta’ kumpaniji kif ukoll bonds tal-Gvern.
Il-bank ħabbar ukoll li se jnaqqas ukoll ir-rata tad-depożiti għal punt erbgħa fil-mija fin-negattiv. Dan ifisser li l-banek se jkollhom iħallsu aktar biex jiddepozitaw fil-flus mal-Bank Ċentrali Ewropew.
Il-pakkett ta’ miżuri mħabbar illum kien aktar radikali milli kien mistenni mill-investituri.
L-aħħar pakkett ta’ miżuri ta’ stimulu kien tħabbar f’Diċembru.
B’riżultat tal-miżuri mħabbra l-valur tal-ewro naqas b’wieħed fil-mija kontra d-dollaru Amerikan u b’punt ħamsa fil-mija kontra l-lira Sterlina, il-Yen Ġappuniż u l-franc Svizzeru.
Dan ifisser li l-prodotti esportati mill-Ewropa issa huma orħos. It-tnaqqis fil-valur tal-ewro ġab miegħu attitudni pożittiva fil-boroż fl-Ewropa.
//= $special ?>