Il-President tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, Ann Fenech, ġiet appuntata Direttur ta’ Fenlex Corporate Services Ltd fl-2005, wara li l-kumpaniji fil-Panama miftuħa f’isem klijenti kienu ġew reġistrati.
L-aħbar ġiet żvelata mill-ġurnal The Malta Independent li tikkonferma għal darb’oħra kif l-attakki mill-Partit Laburista li jallegaw sehem Fenech f’kumpaniji fil-Panama huma għal kollox foloz.
The Malta Independent jikkwota dokumenti tar-Reġistru tal-Kumpaniji fl-Awtorità Maltija għal Servizzi Finanzjarji li juru li Ann Fenech ġiet appuntata direttur fil-kumpanija Fenlex fit-28 t’April tal-2005.
Tinder Trading Capital Inc u Union Private Ltd, li huma ż-żewġ kumpaniji mwaqqfa minn Fenlex fil-Panama f’isem klijenti, ġew reġistrati fl-2003 u fl-2004 waqt li Fenlex ma rreġistrat ebda kumpanija f’dan il-pajjiż minn meta hi saret Direttur mill-2005 ’il quddiem.
Dr Fenech spjegat kemm-il darba li hi qatt ma kellha u lanqas għandha kumpanija fil-Panama u fetħet diversi kawżi ta’ libell, fosthom kontra l-Prim Ministru, dwar dak li ġie allegat dwarha. Fenech kienet spjegat li 13-il sena ilu, Fenlex, li tagħha hi Direttur, kienet ipprovdiet servizzi professjonali lil klijent biex tiġi reġistrata kumpanija fil-Panama f’isem il-klijent. Spjegat ukoll li Fenlex m’għandhiex toffri reġistrazzjoni ta’ kumpaniji fil-Panama.
The Malta Independent ivverifika dan kollu mal-Kap Eżekuttiv ta’ Fenlex, Karl Diacono li spjega li l-kumpanija, li hi liċenzjata mill-MFSA, bħalissa tipprovdi servizz lil kumpanija waħda reġistrata fil-Panama, li hi Timber Trading, imwaqqfa fl-2003. Spjega li Fnelex kienet offriet servizzi lil Union Private Ltd, li kienet infetħet fl-2004 imma din ħadmet sal-2005 biss. Ikkonferma li Fenlex ma pprovdiet ebda servizz simili lil ebda entità oħra minn dakinhar, li l-aħħar kumpanija mwaqqfa minnhom fil-Panama tmur lura fl-2004 u l-aħħar kumpanija fil-Panama mwaqqfa minnhom li għadha topera twaqqfet fl-2003.
Diacono kkonferma wkoll li mhemm ebda konnessjoni bejn Fenlex u Mossack Fonseca, li hi kumpanija legali fil-Panama. Mistoqsi jiżvela min huma s-sidien tal-unika kumpanija reġistrata fil-Panama, Diacono qal li l-liġijiet ma jippermettux li jikxef l-identità imma kkonferma li dawk involuti mhumiex persuni esposti fl-ambjent politiku.
//= $special ?>