BLOGS

Il-pajjiż sejħilna u l-poplu rrisponda: hawn jien!

Bħalissa pajjiżna għaddej minn fażi delikata ħafna. Qegħdin fi żmien fejn l-eċċezzjoni saret in-norma. Qegħdin fi żmien fejn il-korruzzjoni qed tirbaħ fuq il-ġust, fejn l-interess personali ta’ dawk li qed imexxu dan il-pajjiż qed jipprevali fuq l-interess tal-pajjiż u tal-poplu Malti u Għawdxi. Qegħdin fi żmien fejn il-poplu jrid iqum fuq saqajh u jirrispondi għas-sejħa ta’ pajjiżu.

F’demokrazija, wieħed jistenna iktar rispett lejn l-elettorat, imma sfortunatament, il-Gvern tal-ġurnata m’għadux jinteressah ir-rispett lejn il-poplu. Qed ngħid m’għadux għaliex is-sitwazzjoni kienet ferm differenti qabel id-9 ta’ Marzu 2013 meta l-Partit Laburista kien għadu jrid il-vot tal-poplu.

Għajta li għadha tidwi
Inutli l-Gvern Laburista jipprova jnaqqas mill-mertu tal-protesta li saret il-Ħadd li għadda. Ir-realtà hi li l-poplu xeba’ u ried juri lill-Gvern li issa verament qabeż kull limitu. In-nuqqasijiet ta’ dan il-Gvern ilhom jidhru mill-bidu tal-leġiżlatura, imma l-Gvern dejjem irnexxielu jaħrab minnhom, biss issa l-limitu ntlaħaq u nqabeż u l-aħħar kwistjonijiet ġiegħlu lill-poplu jirrealizza li wasal iż-żmien li jinżel fit-toroq. Jinżel fit-toroq biex b’mod ċivili juri li dak li qed jagħmel il-Gvern mhux xieraq u li pajjiżna jixraqlu ferm u ferm aħjar.

Min ma jikkundannax il-korruzzjoni jkun qed japprovaha – ħafna qed jikkundannawha, iżda l-Prim Ministru mhuwiex, anzi qal li hu kburi li jagħmel parti minn dan it-tim. Anke fid-dawl ta’ dawn l-iskandli, il-Prim Ministru jagħżel li jieħu n-naħa ta’ sħabu u mhux tiegħek u tiegħi, li għal kull ċenteżmu li naqilgħu nħallsu t-taxxa … liema taxxa ħafna drabi qed tmur fil-but tan-nies tal-qalba ta’ dan il-Gvern.

Tliet snin ta’ realtà
Din il-ġimgħa hu proprju t-tielet anniversarju minn meta l-poplu għażel li jafda fit-tmun ta’ pajjiżna lil Joseph Muscat u sħabu. Dawn it-tliet snin huma s-snin tar-realtà. Qabel l-elezzjoni, il-Partit Laburista kien surreali, kien falz u artifiċjali. Beda jgħid dak li n-nies riedu jisimgħu, beda jwiegħed kollox lil kulħadd, beda jinqeda b’kulħadd – basta jġiegħel lill-poplu jivvutalu. Mill-10 ta’ Marzu 2013 bdiet ir-realtà ta’ dan il-Gvern – Gvern arroganti, mifni bl-iskandli, xħiħ maż-żgħir u galantom ma’ sħabu … Gvern li jrid jaħtaf kemm jiflaħ ladarba qiegħed fil-poter.

Kienu tliet snin li matulhom waqgħu l-maskri ta’ dan il-Gvern. Joseph Muscat naqas kemm-il darba milli jindirizza sitwazzjonijiet partikulari immedjatament – fil-każ ta’ Manwel Mallia u Michael Falzon dejjem ipprova jsib kull skuża biex jipposponi jew jevita li jieħu deċiżjoni. Fl-aħħar u mhux l-inqas, fil-każ ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri, li minkejja l-kumpaniji fil-Panama, il-Prim Ministru m’għandu l-ebda problema b’dan.

Ir-realtà x’inhi?
Ir-realtà hi li kieku dawn l-iskandli ma ħarġux, il-Gvern kien ikompli b’din is-sensiela ta’ qerq qisu xejn mhu xejn. Effettivament, ħadd minnhom m’għadu ħa l-passi neċessarji biex is-sitwazzjoni titranġa. Il-kumpaniji fil-Panama għadhom hemm u t-trusts fi New Zealand għadhom hemm. Kulma ġara hu t-tibdil fil-verżjonijiet … Konrad Mizzi l-ewwel kellu biss trust fi New Zealand, imbagħad ikkonferma l-kumpanija fil-Panama li skont hu ma fiha l-ebda flus u l-ebda kont bankarju, imbagħad qal li fil-kumpanija fil-Panama hemm biss €92.

Jekk ninjoraw il-fatt li ħadd ma jemmen li għandu biss €92, jista’ l-Ministru Mizzi jgħidilna fejn qed jinżammu dawn il-flus? Għax jekk il-kumpanija m’għandhiex kont bankarju, allura dawn il-flus qed jinżammu f’xi karus żgħir bħalma jużaw it-tfal biex iġemmgħu fih? Imma l-għan tiegħu kien nobbli, qal. Int temmnu?