Il-prosekuturi Brażiljani qed iressqu akkużi kontra l-eks-President tal-Brażil, Inacio Lula da Silva, b’konnessjoni ma’ investigazzjoni dwar il-ħasil tal-flus.
Intant, Lula jiċħad li għamel xi ħaġa ħażina u qal li hemm skop politiku wara l-akkużi. Dawn l-akkużi huma parti minn investigazzjoni kbira dwar korruzzjoni assoċjata mal-kumpannija taż-żejt tal-Istat, Petrobras.
Lula u martu, Marisa Leticia, qed jiffaċċjaw domandi dwar l-allegata proprjetà ta’ penthouse ma’ xatt il-baħar fir-resort esklussiv ta’ Guaruja. L-eks-President u l-mara tiegħu huma fost 16 il-persuna li qed ikunu formalment akkużati dwar ħasil ta’ flus mill-prosekuturi ta’ Sao Paulo. Intant, rapporti qalu li t-tifel ta’ Lula wkoll qiegħed fuq il-lista.
L-akkużi inkwistjoni għad iridu jkunu aċċettati formalment minn Imħallef.
Il-prosekuturi qalu li l-OAS, waħda mill-akbar kumpanniji tal-kostruzzjoni, wettqet xogħol ta’ renovazzjoni estensiv fuq il-penthouse – li uffiċjalment hu l-proprjetà tgal-OAS li hi taħt investigazzjoni. Il-kumpannija hi akkużata li xaħħmet politiċi u uffiċjali ewlenin tal-Petrobras biex taċċerta minn kuntratti kbar.
Min-naħa tiegħu, Lula – li nhar il-Ġimgħa spiċċa arrestat għal xi żmien, fejn kien interrogat mill-pulizija — ċaħad għall-akkużi kollha u sostna li l-appartament ‘qatt ma kien f’idejh’. Hu anki akkuża lill-prosekutur fil-każ talli mexa b’mod abitrarju.
Inacio Lula da Silva kien President tal-Brażil bejn l-2003 u l-2011 u laħqet floku, bħala President, Dilma Rousseff – l-istess bħalu, membru tal-Partit tal-Ħaddiema – u li qed titlef dejjem aktar appoġġ waqt l-eqqel ta’ kriżi ekonomika serja.
L-eks President Lula akkużat dwar ħasil ta’ flus
