Qorti

Liċenzja sospiża u multa għal raġel li kkaġuna diżabilità bis-sewqan tiegħu

Anzjan ta’ 64 sena li tliet snin ilu kkaġuna inċident ikrah fl-Imġarr, ingħata multa ta’ €2,500 u kellu l-liċenzja tas-sewqan tiegħu sospiża għal tliet xhur wara li l-Qorti sabitu ħati li saq b’mod negliġenti meta injora sinjal ta’ Stop.

L-inċident, f’Mejju tal-2013, kien ħalla mara li kienet qed issuq, bi 3% diżabilità minħabba l-ġrieħi gravi li kienet sofriet. Il-karozza li kienet qed issuq kienet inqerdet fl-inċident wara li spiċċat daħlet f’ħajt.

Il-Maġistrat Aaron Bugeja nnota d-diskrepanzi kbar li ngħataw miż-żewġ naħat fil-Qorti għalkemm innota nuqqas ta’ konsistenza fil-provi miġjuba mill-akkużat, Carmel Muscat u nuqqas ta’ qbil bejn il-verżjoni tiegħu u l-isketch tal-Pulizija wara l-inċident.

Il-Qorti għalhekk ikkonkludiet li r-raġel ma kienx viġilanti biżżejjed u dan il-fatt wassal għall-inċident.