Raġel li f’Settembru 2009 kien arrestat waqt party f’Ta’ Qali nħeles mill-Qorti wara li nstab li ma kellux assistenza legali waqt li kien qed jiġi interrogat mill-Pulizija.
Meta seħħ il-każ, Pulizija pajżana nnutaw lil Eugenio Sultana, ta’ 47 sena, ifittex f’xi ħaġa li kellu f’idejh. Tfittxijiet li saru wara l-arrest stabbilixxew li l-affarijiet li Sultana kellu f’idejh kienu pilloli tal-ecstasy.
Madankollu, meta l-Pulizija kienu qed javviċinaw lil Sultana, uffiċjali tas-sigurtà tal-istabbiliment intervjenew għax ħasbu li kien se jinqala’ xi nkwiet. F’nofs il-konfużjoni, Sultana rema l-pilloli minn idejh qabel ma ġie arrestat.
Fil-Qorti kompla joħroġ li waqt l-interrogazzjonijiet, ir-raġel qal li ġabar il-borża wara li rifisha meta kien dieħel fl-istabbiliment. Filwaqt li għall-ewwel ħaseb li fil-borża kien hemm mobile, aktar tard induna li kien hemm pilloli tal-ecstasy.
Il-Qorti semgħet ukoll li l-għada li ġie arrestat, ir-raġel talab li jċempel lil min iħaddmu ħalli javżah li mhux se jkun jista’ jidħol għax-xogħol. Madankollu, il-Pulizija ma aċċettawx li jċempel lil ħadd sakemm qalilhom li se jdawwar il-verżjoni tiegħu għal waħda li jammetti biex ħallewh iċempel lill-Avukat tiegħu.
Min-naħa tagħha l-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, qalet li għalkemm ma kellhiex dubju li waqt il-ħin tal-arrest ir-raġel kellu l-pilloli fil-pussess tiegħu, emmnet il-verżjoni tiegħu dwar kif din spiċċat għandu.
Barra minhekk, kompliet li l-verżjonijiet li kienu ppreżentati ma jistgħux jingħaddu bħala validi minħabba li ma kienx assistit minn Avukat. Hi saħqet din il-pożizzjoni wara li kkwotat il-Liġijiet Ewropej u anke dik lokali.
Għal Sultana deher l-Avukat Joe Brincat, filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Dennis Theuma.
//= $special ?>