Lokali

Qed jispiċċa ż-żmien li nrażżnu l-firxa tal-ISIS fil-Libja – Il-Ministru George Vella

Iż-żmien li wieħed irażżan il-firxa ta’ militanti tal-Istat Iżlamiku fil-Libja qed jispiċċa. Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella wissa dan il-kliem dalgħodu wara laqgħa mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Taljan Paolo Gentiloni li bħalissa jinsab f’Malta fuq żjara uffiċjali.

Iż-żewġ Ministri stqarrew it-tħassib komuni taż-żewġ pajjiżi dwar il-Libja u l-ħtieġa urġenti ta’ stabilità fil-pajjiż ġar. Semmew il-ħtieġa li jiġu sostnuti l-isforzi tal-komunità internazzjonali, speċjalment tan-Nazzjonijiet Uniti, b’rabta mal-ftehim ta’ Skhirat.

Gentiloni semma bħala kruċjali li l-Libja taħdem għall-proċess ta’ stabilità u tenna l-appell tiegħu għal gvern wieħed li jkollu l-appoġġ tal-komunità internazzjonali biex tingħeleb it-theddida tat-terroriżmu f’ċertu partijiet tal-Libja.

Il-Ministru George Vella qabel ma’ Gentiloni u wissa li trid issir xi ħaġa issa, qabel ikun tard wisq, biex l-ISIS ma jinfirixx fit-Tuneżija u n-Niġerja. Tkellem ukoll dwar il-kooperazzjoni bilaterali fil-qasam tal-immigrazzjoni.

Il-Ministru tkellmu wkoll dwar proġetti ta’ interess komuni fosthom il-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija u l-Interconnector għall-enerġija elettrika bejn l-Italja u t-Tuneżija.