Internazzjonali

Tħassib dwar rotot ġodda għall-immigranti

Żdied it-tħassib li l-immigranti jistgħu jippruvaw jidħlu fl-Unjoni Ewropea permezz tal-Albanija, kif ukoll mill-Baħar Adrijatiku. Dan wara li l-Ewropa, f’nofs il-ġimgħa, għalqet ir-rotta għall-movimenti mill-Punent tal-Balkani.
S’issa għad mhemmx sinjali li qed jinġabru l-immigranti man-naħa tal-fruntiera bejn l-Albanija u l-Greċja. Madankollu, l-indikazzjonijiet huma li l-Albanija, li hi membru tan-NATO u li għandha popolazzjoni ta’ anqas minn tliet miljuni, tista’, ’il quddiem, tipprovdi rotta ġdida lejn l-Italja.
Meta rreferew għall-ftehim potenzjali bejn l-UE u t-Turkija biex tingħalaq ir-rotta għall-immigranti mill-Punent tal-Balkani, uffiċjali Ewropej fi Brussell qalu li jridu jagħtu ħarsa ‘kollettiva’ lejn il-konsegwenzi potenzjali kollha ta’ dan il-ftehim, waqt li jħejju għall-effetti probabbli, fosthom l-użu tar-rotot alternattivi.
Il-Kummissarju tal-UE għall-Immigrazzjoni, Dimitris Avramopoulos, qal li dejjem teżisti l-possibbiltà li l-movimenti tal-immigranti jaqbdu direzzjonijiet ġodda f’sitwazzjoni fejn tingħalaq ir-rotta tal-Balkani.