Il-Pulizija fil-Messiku arrestaw tliet persuni fuq akkużi li ttorturaw u qatlu ħabib tagħhom ‘b’mod mill-aktar terribbli’ waqt ritwal sataniku.
Ingħad li t-tliet akkużati kienu qed jippruvaw jibdlu lill-vittma – Edwin Juarez Palma – f”vampir’, bl-istess Juarez Palma jkun suġġett għal ‘litanija ta’ atroċitajiet’ taħt idejn il-qattiela. Fil-fatt, il-ġuvni ta’ 24 sena spiċċa msawwat u mgħallaq għal ħinijiet twal, bl-aggressuri tiegħu anki jużaw flixkun imkisser biex iħanxrulu għonqu.
Id-delitt twettaq qrib il-bini tal-kungress reġjonali f’Chihuahua, lejn it-Tramuntana tal-Messiku.
L-arrestati fil-każ makabru jinkludu studenta ta’ 18 il-sena li jisimha Iveth Lopez. Is-suspettati l-oħra huma Gustavo Dorantes, li wkoll għandu 18 u Omar Sanchez, ta’ 25 sena. Huma jistgħu jeħlu sa 40 sena ħabs jekk jinstabu ħatja.
Il-pulizija qalet li l-vittma – imlaqqam ‘Piwa’ – inqatel wara li ‘sħabu’ qarrqu bih u qalulu li kienu se jorganizzawlu ċerimonja ta’ prova biex hu isir parti minn kolt sataniku bl-isem Sons of Baphomet 1.
Iċ-ċerimonja satanika seħħet f’cyber cafe bl-isem Freak Shop u fejn ‘Piwa’ spiċċa ttorturat wara li l-aggressuri kienu rabtulu jdejh wara dahru. Jingħad li, ‘il quddiem, xi ħadd fost l-allegati qattiela rnexxielu jipperswadi lill-oħrajn biex ‘jagħmlu sagrifiċċju mill-vittma ħalli hu jitwieled mill-ġdid bħala vampir’.
Il-katavru tal-ġuvni aktar tard spiċċa abbandunat fi triq, fejn kien imgeżwer f’żewġ boroż tal-plastik. Il-pulizija temmen li l-qattiela ddispondew mill-katavru b’dan il-mod biex l-awtoritajiet jaħsbu li Juarez Palma kien spiċċa vittma ta’ grupp tat-traffikanti tad-droga.
//= $special ?>