Ambjent Lokali

Approvati 30 taqsima ġdida għall-Mellieħa Holiday Centre

Il-MEPA din il-ġimgħa approvat l-estensjoni tal-Mellieħa Holiday Centre bi 30 taqsima ġdida.

Il-permess oriġinali fil-fażi ta’ outline kien ġie mogħti fl-2007 bil-prinċipji tal-iżvilupp jiġu rivalutati skont il-parametri stabbiliti fil-permess outline.

L-estensjoni approvata tfisser li kull taqsima se tkopri bejn 90 u 110 metru kwadru, bit-taqsimiet il-kbar jinkludu wkoll bitħa u pixxina. Total ta’ 25 struttura se jinbnew fit-tramuntana tal-iżvilupp eżistenti filwaqt li l-ħames strutturi l-oħra se jinbnew fin-nofsinhar.

It-taqsimiet se jinbnew ’il barra mil-limiti ta’ żvilupp għall-Mellieħa u jinsabu qrib ħafna r-riserva naturali tal-Għadira, li hi żona speċjali ta’ konservazzjoni, u s-santwarju tal-għasafar. Il-MEPA spjegat li għalkemm l-inħawi li se jiġu żviluppati huma ODZ, ħadet in kunsiderazzjoni l-karattru turistiku potenzjali tal-iżvilupp eżistenti u dak propost.

Il-MEPA mponiet ukoll il-ħlas ta’ garanzija bankarja ta’ €100,000 biex tassigura li l-iżvilupp isir skont il-permessi mogħtija.

Fl-istess sessjoni tal-laqgħa tal-Bord tal-MEPA din il-ġimgħa, l-awtorità approvat il-bini ta’ parkeġġ taħt l-art fuq żewġ sulari għal 120 karozza u ġnien pubbliku fuqu f’Paceville. Il-parkeġġ se jkun aċċessibbli mil-lukanda Westin Dragonara Resort.