L-attakk li l-Partit Laburista qiegħed jittenta jibni fuq l-Avukat Ann Fenech huwa wieħed li jipprova jolqot direttament l-integrità professjonali ta’ Ann Fenech, u għalhekk huwa wieħed li konsegwentament jimmina l-professjonijiet kollha, fejn dawn jirrigwardjaw prestazzjoni ta’ xi servizz lill-klijenti tagħhom.
Saħaq dan il-Forum Professjonisti tal-Partit Nazzjonalista fiq stqarrija. Il-Forum qal li l-attakk fuq persuna professjonali bħal Ann Fenech huwa kundannabbli bla riżervi għaliex irriżulta bħala fatt li:
1. Fenlex hija Service Provider liċenzjata mill-Malta Financial Services Authority, u Ann Fenech hija biss Direttur u Shareholder. Saret Direttur fl-2005.
2. L-istess kumpanija Fenlex assistiet lill-klijent tagħha, sabiex titwaqqaf kumpanija fil-Panama tlettax-il sena ilu, meta l-Panama ma kienx pajjiż blacklisted mill-Unjoni Ewropea.
3. Il-kumpanija fil-Panama ma tappartjenix lil Ann Fenech.
4. Il-klijent, li ġie assistit minn Fenlex, sabiex jiftaħ kumpanija fil-Panama tlettax-il sena ilu, ma kienx persuna esposta politikament, bħalma huma hekk politikament esposti, Ministru importanti tal-Gvern, u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru.
Il-Forum Professjonisti tal-Partit Nazzjonalista jidhirlu li dan mhuwiex il-mod kif wieħed għandu jagħmel il-politika tiegħu, u b’dan l-aġir, il-Gvern qiegħed, flok isaħħaħ il-fiduċja fil-politika u fil-politiċi li tant għandu bżonn dan il-pajjiż fil-mument, ikompli jgħaddas l-isfel fil-fiduċja li tant hemm ħtieġa għaliha fil-konfront tal-politika onesta u ta’ integrità. Dawn it-tip ta’ attakki qegħdin jaqtgħu qalb persuni fil-professjoni, u li huma ġenwini u integri, milli jersqu ‘l quddiem sabiex ikunu ta’ servizz għal dan il-pajjiż.
Huwa għalhekk kundannabbli kif il-Prim Ministru u membri oħra tal-Kabinett qed jiprovaw jagħtu l-impressjoni li ma hemm ebda distinzjoni bejn Diretturi ta’ ditti li jagħtu s-servizzi tagħhom fis-settur finanzjarju, u l-klijenti li jservu, u li dawn id-Diretturi għandhom xi dmir li jagħmlu xi dikjarazzjonijiet.
Il-Forum tal-Professjonisti fl-itqarrija appella lill-Gvern biex minflok jagħmel dawn l-attakki, jkun aħjar li jindirizza kif suppost, u jerfa’ r-responsabbiltà politika, kif qed jistenna’ l-poplu b’mod ġenerali, għal dak li sar mill-aktar żewġ persuni viċin it-tmexxija tal-Gvern.
//= $special ?>