Żewġ bouncers li kienu akkużati bl-attentat ta’ qtil ta’ żewġ Taljani f’Paceville, intbagħtu xahrejn ħabs il-wieħed u multa ta’ €1,000.
Il-każ imur lura għal Jum San Valentinu ta’ sitt snin ilu meta Luca di Mauro, dakinhar ta’ 27 sena, u Riccardo Miano, ta’ 35, ġew midruba b’mod serju f’wiċċhom. Miano sofra wkoll ksur fi mnieħru u tilef diversi snien. L-inċident kien seħħ għall-ħabta tal-4.30am fil-klabb Clique f’Paceville.
Il-bouncers Stephen Catania, ta’ 35 sena minn San Ġwann u Bernard Briffa ta’ 25 sena mill-Belt Valletta, kienu tressqu l-Qorti b’attentat ta’ qtil, li kkaġunaw feriti gravi fuq ħaddieħor u li ma kellhomx il-liċenzji meħtieġa. Matul il-proċeduri fil-Qorti però, l-akkuża ta’ attentat ta’ qtil tniżżlet għal dik li darbu lill-vittmi b’mod gravi ħafna.
L-akkużati kienu sostnew li kienu mġiegħla jkeċċu lit-Taljani mill-klabb wara diversi lmenti minn klijenti oħra. Min-naħa tagħhom, il-vittmi kienu saħqu li dan kien każ ta’ aggressjoni mingħajr provokazzjoni.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke, innutat li ma kienx hemm dubju li ż-żewġ bouncers riedu jweġġgħu lill-vittmi imma sostniet li l-Prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova li l-akkużati kellhom l-intenzjoni speċifika li jikkaġunaw sfigurament, għalhekk ma setgħetx issibhom ħatja li darbu b’mod serju ħafna liż-żewġt vittmi.
Il-Qorti nnutat ukoll li l-vittmi fl-ebda ħin ma kienu f’periklu tal-mewt u li ma kien hemm ebda prova dwar mard li dam iktar minn 30 jum kaġun tal-ġrieħi li ġarrbu. Il-Qorti qalet ukoll li ma setax jiġi stabbilit min fil-fatt ikkaġuna ġrieħi lil Mauro peress li fl-inċident kienu involuti bouncers oħra. Għalhekk il-Qorti evalwat il-piena massima ta’ tliet xhur priġunerija u ordnat xahrejn ħabs, flimkien ma’ multa ta’ €1,000 għax ma kellhomx il-liċenzji meħtieġa biex jagħmlu dan ix-xogħol.
//= $special ?>

