Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

David Casa elett President tal-Grupp tal-Ħaddiema tal-PPE

Il-Kap tad-delegazzjoni Maltija fil-grupp tal-Partit Popolari Ewropew David Casa ġie elett unanimament bħala l-President tal-Grupp tal-Ħaddiema tal-Partit Popolari Ewropew (PPE).

Il-Grupp tal-Ħaddiema tal-PPE huwa ikkostitwit minn Membri Parlamentari Ewropej ta’ esperjenza li xogħolhom hu li jindirizzaw temi ta’ importanza għall-ħaddiema Ewropej. Il-Grupp huwa strumentali sabiex jistabilixxi l-pożizzjoni tal-PPE fuq temi li jirrelataw l-impjiegi u l-affarijiet soċjali. Dawn il-pożizzjonijiet huma sussegwentament riflessi f’dossiers relevanti fi ħdan il-Parlament Ewropew.
David Casa qal li huwa onorat li ġie fdat dan il-post importanti mill-kollegi tiegħu, u żied jgħid li din il-ħatra waslet fi żmien kruċjali peress li saret eżatt wara l-addozzjoni tad-dokument tal-PPE “Ewropa Soċjali Moderna” mill-Parlament Ewropew, li prepara David Casa stess.

“Illum għandna bażi fejn nistgħu nespandu aktar lir-rwol tal-PPE fejn jidħlu ideat, u influwenza f’suġġetti relatati max-xogħol u affarijiet soċjali. L-Ewropa tinsab f’salib it-toroq, u bħala l-PPE rridu niddefendu il-valuri u l-prinċipji tagħna billi nkomplu naħdmu sabiex nippromovu mudell soċjali Ewropew bħala l-pedament tas-suq ekonomiku soċjali”, żied David Casa, filwaqt li saħaq l-importanza li dan jiġi kkomunikat b’mod ċar permezz tax-xogħol tal-Membri Parlamentari Ewropej. “Għalhekk ninsab ħerqan li nippromwovi d-djalogu fi ħdan dan il-Grupp sabiex niddefinixxu bl-aħjar mod il-pożizzjoni tal-PPE fuq suġġetti tant vitali – dak tax-xogħol u l-affarijiet soċjali, u sabiex insarffu dan kollu f’dibbattiti siewja fil-Parlament Ewropew’.

Wara l-elezzjonijiet kien hemm seminar li iddiskuta suġġetti pendenti li se jinfluwenzaw direttament l-andament tad-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa fuq livell Ewropew u rigward suġġetti sensittivi ħafna, fosthom l-impatt tat-TTIP fuq is-suq tax-xogħol Ewropew, il-qagħad short u long term, l-integrazzjoni tar-refuġjati fis-suq tax-xogħol, u l-mobilita’ tal-ħaddiema (posting of workers directive). Dawn kollha huma suġġetti li jħallu impatt fuq il-ħajja taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea.

Matul is-seminar, David Casa għamel id-diskors tal-ftuħ u kien il-kelliem ewlieni fuq il-panel li iddiskuta l-integrazzjoni tar-refuġjati fis-suq tax-xogħol illi huwa iddeskriva bħala l-aktar sfida sinjifikanti għas-soċjetajiet Ewropej fis-snin li ġejjin – liema sfida se jkollha bżonn ‘strateġija ċara u ammont kbir ta’ persważjoni u determinazzjoni minn naħat kollha’.