Internazzjonali

Dokumenti dwar l-ISIS ‘x’aktarx li huma ġenwini’

Il-Ministru għall-Intern tal-Ġermanja, Thomas de Maiziere, qal li wieħed jista’ jassumi li huma ‘ġenwini’d-dokumenti misruqa li jiddettaljaw mijiet ta’ rekluti għal mal-ISIS u li issa spiċċaw f’idejn is-servizzi tas-sigurtà. Hu sostna li l-informazzjoni tista’ twassal għall-prosekuzzjoni ta’ ġellieda tal-ISIS waqt li tevita l-ingaġġ ta’ ‘ġellieda ġodda’ għal mal-grupp terroristiku.

Jingħad li d-dokumenti li jinsabu, fost oħrajn, f’idejn l-istampa tal-Ġermanja u r-Renju Unit, jidentifikaw rekluti għall-ISIS minn tal-anqas 40 pajjiż. Filwaqt li jidhru madwar 22,000 isem fuq il-lista ħafna mill-ismijiet ta’ ‘rekluti’ jistgħu jidhru aktar minn darba. Id-dokumenti, li għandhom preżentazzjoni formali, jiddettaljaw ismijiet, indirizzi, numri tat-telefon u l-kapaċitajiet tal-individwi.

Il-files inkwistjoni kienu ppubblikati bl-Għarbi fuq l-Internet mill-websajt tal-aħbarijiet Sirjan Zaman Al-Wasl li għandu l-bażi tiegħu fil-Qatar.

Id-dokumenti jinkludu dettalji ta’ rekluti mill-Ġermanja, l-Olanda, ir-Renju Unit u pajjiżi oħra. Il-Ministru de Maiziere qal li l-Bureau tal-Investigazzjoni Federali (tal-Ġermanja) tqis dawn id-dokumenti bħala awtentiċi u temmen li jgħinu biex l-awtoritajiet jifhmu aktar l-istrutturi tal-ISIS. Hu ttamat li l-awtoritajiet jistgħu, ’il quddiem, iwaqqfu żgħażagħ radikalizzati milli jissieħbu ma’ entitajiet qattiela.

Is-Segretarju għall-Intern tar-Renju Unit, Theresa May, qalet li ma tistax tikkummenta dwar ‘kwistjonijiet ta’ interess għas-sigurtà nazzjonali’ iżda hi enfasizzat li l-pajjiżi jikkoperaw ma’ xulxin fil-konfront tat-theddida mill-ISIS.