Ambjent Lokali

FILMAT: Il-maltemp jerġa’ jfisser lejl bla rqad għas-sajjieda

Is-sajjieda li għandhom id-dgħajjes tagħhom Marsaxlokk kellhom lejl bla irqad ta’ xejn l-maltemp li għamel.

Il-maltemp u r-riħ, meta jkun jaqbel, hu ta’ uġiegħ ta’ ras għas-sajjieda li kull darba jkollhom joqgħodu għassa mad-dgħajjes, jew inkella, ikollhom iċaqilqu d-dgħajjes għal post aktar kenni.

“Dal-lejl għamlet waħda minn tas-soltu” qalilna Mario Carabott mill-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd, “għax meta jkun ir-riħ minn faċċata, kulħadd irid joqgħod imqajjem. Tinżel, tiċċekkja l-bastimenti u terġa’ titla’ u toqgħod sejjer hekk darba kull nofs siegħa” spjega s-sajjied.

Mario Carabott, fllimkien ma’ Pawlu Piscopo mill-Għaqda Koperattiva tas-Sajd, jirrappreżentaw żewġ koperattivi tas-sajd li bejniethom jiġbru mas-600 sajjied.

Iż-żewġ koperattivi qablu dwar x’għandha tkun it-triq ‘il quddiem. Moll li joffri rdoss għall-bastimenti tas-sajjieda. Iżda jidher li l-Gvern għandu pjanijiet differenti.

“Jidher li għadhom mhux jisimgħuna, u l-proposti li qed jagħmlu bħalissa ifissru li l-baħar li kien jidħol hawn ġew se jibqa’ jidħol. Jiġifieri s-soluzzjoni għadha ‘l bogħod ħafna,” spjega Pawlu ma’ NETnews.com.mt. “Jekk isir il-breakwater, nieħdu r-ruħ” enfasizza Mario Piscopo.

sajjieda moll proposta

Ritratt: Il-pjanti li ż-żewġ koperattivi qablu dwarhom u li juru moll li jista’ jagħti l-akbar protezzjoni lill-bastimenti tagħhom. Jidher li l-Gvern għandu pjanijiet differenti.

Numru ta’ Gvernijiet suċċessivi wettqu proġetti infrastrutturali kbar, fosthom il-breakwater tal-Port Ħieles, il-power station ta’ Dellimara u issa se jkun sorġut tanker tal-gass. Dawn kollha wasslu biex fil-maltepmati, il-baħar jidħol b’qawwa akbar fil-port ta’ Marsaxlokk. Dan b’detriment għad-dgħajjes u l-bastimenti tas-sajjieda.

Filfatt, kull dabra li l-maltemp u r-riħ ikun jaqbel, is-sidien tal-bastimenti l-kbar ikollhom jieħduhom il-Port il-Kbir. Is-sidien tad-dgħajjes żgħar ikollhom iċaqalquhom għal żona kemxejn aktar kennija, magħrufa bħala ‘Il-Magħluq’. Apparti l-ħsarat kbar li ħafna drabi jkunu kkawżati.

“Jien ma nippretendix li wara ġimgħa fuq il-baħar, niġi l-art u jkolli nagħmel lejl għassa mal-bastiment” qalilna Mario, li żied li “flok reqdin, ikollna noqgħodu għassa mal-bastimenti. Jekk jitkisser il-bastiment, ma nkunux nistgħu naqilgħu x’nieklu” temm jgħid is-sajjied.