Lokali

Il-Ħabs jimblokka n-numri tat-telefon ta’ NETnews

Residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin mhux qed ikunu jistgħu jagħmlu telefonati lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ NETnews wara li l-Ħabs imblokka n-numru.

Dan ifisser li min jipprova jċempel lil NETnews, ma jirnexxilux, sakemm ma jċempilx fuq xi numru personali ta’ xi ġurnalist.Għalkemm ninsabu nfurmati li mill-Ħabs ġew imblukkati wkoll numri tal-mobile ta’ uħud mill-ġurnalisti ta’ NETmedia.

Dwar dan, il-portal NETnews.com.mt bagħat sensiela ta’ mistoqsijiet, partikolarment jekk jiċħadx li hemm sensiela ta’ numri li huma mblukkati mill-ħabs u x’inhi r-raġuni.

Għall-mistoqsijiet ta’  NETnews.com.mt, kelliema għall-Ministeru tal-Intern qalet li l-Ministeru jikkonferma li fir-rigward tat-telefonati mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, qed ikunu osservati r-regolamenti tal-Ħabs.

NETnews.com.mt qed jirrapporta din l-aħbar fid-dawl ta’ telefonata li saret bil-moħbi mill-Ħabs ftit tal-jiem ilu, meta grupp ta’ priġunieri qalulna li kienu qed jagħmlu strike tal-ġuħ f’Diviżjoni 6.

Dakinhar, il-Ministeru tal-Intern immexxi mill-Ministru Carmelo Abela kien iġġustifika s-sitwazzjoni f’Diviżjoni 6 billi qal li “l-priġunieri li jiksru b’mod gravi xi regolament tal-Ħabs, jinżammu f’din id-Diviżjoni aktar sigura, u jkollhom tnaqqis tal-privileġġi konsegwenza tal-ksur tar-regolamenti.”

Ma’ NETnews.com.mt, il-priġunieri kienu ilmentaw minn sitwazzjoni diżastruża ta’ “drenaġġ” u “ġrieden” ma’ kullimkien, iżda l-Ministeru kien ċaħad dawn l-allegazzjonijiet.

email mario habs

email habs habs twegiba

Fl-aħħar xhur is-sitwazzjoni fil-Ħabs marret għall-għar, b’diversi priġunieri jilmentaw b’kundizzjonijiet ħżiena u kif ukoll b’diskriminazzjoni minħabba t-twemmin politiku.

Fl-aħħar jiem f’kuntatt li għamilna ma’ xi priġunieri, minkejja li mlukkaw in-numri tagħna, qalulna li l-awtoritajiet iridu jħallu s-sitwazzjoni kif inhi u għalhekk qed jagħmlu minn kollox biex id-diżastru li hemm fil-ħabs, jibqa’ fil-ħabs u ma jixxandarx fil-pubbliku.