Lokali

Il-Kamra tal-Avukati tisħaq dwar l-importanza li l-liġi tkun rispettata fis-settur finanzjarju

Fl-isfond tal-iskandlu tal-Panama u l-allegazzjonijiet li saru mill-Partit Laburista li Ann Fenech għandha xi kumpanija fil-Panama, il-Kamra tal-Avukati qalet, li mingħajr ma tidħol fil-mertu tad-dibattitu politiku, tixtieq tiċċara li l-avukati għandhom id-dmir li jirrispettaw il-liġi billi ma jagħtux informazzjoni kunfidenzjali sakemm mhux mitluba mil-liġi.

Fl-aħħar jiem, il-Partit Laburista allega li l-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Ann Fenech għandha kumpanija fil-Panama bħal ma għandu Konrad Mizzi. Għal din l-istqarrija, Ann Fenech fetħet żewġ kawżi ta’ libell kontra l-Mexxej Laburista Joseph Muscat u kontra l-President tal-Partit Laburista Daniel Micallef.

Iżda l-Partit Laburista ma waqafx hemm peress li qal ukoll li Ann Fenech għandha tiżvela l-informazzjoni dwar il-kumpaniji li twaqqfu mill-kumpanija li llum hi parti minnha.

Filwaqt li ġie żvelat li Ann Fenech laħqet Direttur qabel il-kumpaniji nfetħu fil-Panama, u qabel il-Panama kienet ‘blacklisted’, fuq il-mezzi tax-xandir, Ann Fenech spjegat li l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-esponenti Laburisti għandhom jieqfu jimplikaw li l-assi ta’ klijent ta’ kumpanija legali huma l-assi ta’ min ikun qed jipprovdi s-servizz ta’ reġistrazzjoni.

Fir-rigward ta’ dan kollu, u fir-rigward tat-talba tal-Partit Laburista li Ann Fenech tippubblika dettalji dwar il-kumpaniji li ngħataw servizz minn Fenelex, il-Kamra tal-Avukati qalet li l-avukati għandhom l-obbligu li ma jagħtux informazzjoni kunfidenzjali sakemm mhux mitluba bil-liġi.

Żiedet li l-industrija tas-servizzi finanzjarji hi industrija sensittiva ħafna li kulħadd għandu jkollu l-interess li jissalvagwardja qalet il-Kamra tal-Avukati, li kompliet li dan tgħidu peress li l-professjoni legali kkontribwixxiet fl-industrija tas-servizzi finanzjarji matul is-snin.