Analiżi bejn il-prezzijiet internazzjonali taż-żejt u dawk tal-petrol u d-diesel f’Malta turi li filwaqt li fl-2009 il-prezz internazzjonali taż-żejt kien fl-istess livell ta’ kif qed jinbiegħ illum, il-petrol u d-diesel mibjugħa f’Malta kienu ferm orħos minn dak li qed ikollu jħallas il-konsumatur illum.
Ċifri tal-Kummissjoni Ewropea juru li meta l-prezz taż-żejt fid-9 ta’ Marzu tal-2009 kien fl-istess livell għal dak tal-lum, il-petrol f’Malta kien jinbiegħ €1.04 kull litru u d-diesel 94ċ kull litru. Dan ifisser 28ċ kull litru orħos għall-petrol u għad-diesel milli dak li qed jinbiegħ illum. Seba’ snin ilu l-prezz tal-petrol f’Malta kien orħos mill-medja tal-UE filwaqt li llum hu fost l-ogħla.
Ħafna, b’mod leġittimu, qed jistaqsu jekk dan ifissirx li l-kumpanija tal-Gvern, Enemed, hix taqla’ 28ċ iktar minn fuq kull litru petrol jew diesel li jinbiegħu f’Malta llum.
Fil-mument hemm 22 pajjiż li qed ibiegħu petrol bi prezz orħos milli f’Malta u sitt pajjiżi li l-prezz mill-pompa tal-petrol hu ta’ inqas minn €1 kull litru. Fil-Bulgarija, il-petrol qed jinbiegħ għal 90.4ċ kull litru, jew 31.5% orħos milli f’Malta.
Hemm ukoll 25 pajjiż tal-UE li qed ibiegħ id-diesel orħos milli f’Malta, bi 13 minnhom ibiegħu taħt il-prezz ta’ €1 kull litru. Il-Bulgarija baqgħet bl-orħos prezz anke għad-diesel, li hu ta’ 29.7% orħos milli f’Malta jew 85.7ċ kull litru.
Il-Malta Automobile Club qed jibqa’ jinsisti li ċ-ċittadin Malti m’għandux jibqa’ jiġi ttrattat tat-tieni klassi u li l-importazzjoni, il-ħażna u l-bejgħ bl-imnut tal-petrol u tad-diesel m’għandux jibqa’ f’idejn il-Gvern imma jkun f’idejn rappreżentanti lokali ta’ kumpaniji barranin taż-żejt li jitħallew jikkompetu bejniethom u joffru l-iktar prezzijiet kompettittiv għall-ġid tal-konsumatur Malti.
//= $special ?>