Il-Prosekuturi fil-Brażil talbu l-arrest tal-eks-President Soċjalista Brażiljan, Luiz Inacio Lula da Silva, meta bħalissa għaddejja investigazzjoni dwar ħasil ta’ flus u korruzzjoni fejn, fost oħrajn, hemm implikata il-kumpannija nazzjonali taż-żejt. Petrobras.
Il-prosekuturi fl-Istat ta’ Sao Paulo qalu li Lula għandu jitqiegħed taħt arrest preventiv wara li ressqu akkużi fil-konfront tal-eks-President, li qed jingħad li naqas milli jiddikjara proprjetà lussuża – f’dan il-każ penthouse — fir-resort sajfi ta’ Guaruja. It-talba għad trid tkun aċċettata jew miċħuda minn maġistrat responsabbli.
Lula qed jiċħad li għamel xi ħaġa ħażina u qal li l-akkużi miġjuba kontra tiegħu għandhom biss skop politiku. Iżda l-prosekuturi qed jinsistu għall-arrest ta’ Lula da Silva fuq suspetti ta’ ħasil ta’ flus b’konnessjoni ma’ ħabi ta’ dettalji dwar il-proprjetà u fost suspetti li Lula jista’ jipprova jtellef l-investigazzjoni.
Il-President tal-Brażil, Dilma Rousseff, fl-aħħar sigħat, żaret il-Fondazzjoni ta’ Oswaldo Cruz, f’Rio de Janeiro, iżda naqset milli tikkumenta dwar it-talba tal-prosekuturi għall-arrest ta’ Lula da Silva.
Proprju l-ġimgħa l-oħra, Lula kien arrestat u interrogat f’investigazzjoni federali separata li qed tindaga jekk xogħol ta’ renovazzjoni estensiv fuq il-penthouse jikkostitwix ‘favuri bi skambju għal influwenza politika’.
Ix-xogħol ta’ renovazzjoni kien twettaq mill-OAS, li hi fost l-akbar kumpaniji tal-kostruzzjoni fil-Brażil. L-appartament inkwistjoni, uffiċjalment, hu l-proprjetà tal-OAS li hi akkużata li xaħħmet numru ta’ politiċi u uffiċjali ewlenin mal-kumpanija taż-żejt nazzjonali, Petrobras, bl-iskop li taċċerta minn diversi kuntratti kbar.
Minbarra dan, prosekuturi federali qed jevalwaw allegazzjonijiet li Lula da Silva ‘spiċċa jbiegħ l-influwenza tiegħu’ fl-amministrazzjoni tal-President Rousseff, għal donazzjonijiet lill-fondazzjoni tiegħu, Instituto Lula, li hi magħrufa bħala entità li taħdem mingħajr qligħ.
//= $special ?>