Lokali

Il-UĦM Voice of the Workers terġa’ titlob l-għarfien fil-Port Ħieles

Il-UĦM Voice of the Workers talbet l-għarfien uffiċjali mingħand il-Management tat-Terminal tal-Port Ħieles biex terġa’ tkun hi li tirrappreżenta lill-ħaddiema. Dan wara li, skont stqarrija tal-UĦM Voice of the Workers, fl-aħħar ġimgħat numru sostanzjali ta’ ħaddiema tal-Freeport irriżenjaw mill-GWU.

L-istqarrija kompliet li minn mindu l-GWU bdiet tirrappreżenta lill-ħaddiema f’Ġunju 2015, ma naqsux il-problemi u t-tħassib fost il-ħaddiema dwar il-mod kif kienet taġixxi. Dan wassal biex minn żmien għal żmien, saru diversi riżenji mill-GWU.

It-talba għar-rikonoxximent trejdunjonistiku saret fid-dawl ta’ laqgħa li l-UĦM Voice of the Workers kellha mal-Management tal-Freeport u li matulha Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers, u Kenneth Abela, Employment Relations Manager responsabbli mit-Taqsima Port u Trasport, fissru mal-Management li ladarba n-numru ta’ membri fi ħdan il-Union issa jidher li ssupera dak li għandha l-GWU, hu ż-żmien opportun li l-UĦM Voice of the Workers tikseb ir-rikonoxximent uffiċjali.

Il-UĦM Voice of the Workers talbet ukoll biex fid-dawl li l-GWU m’għadx għandha l-appoġġ tal-maġġoranza tal-ħaddiema, in-negozjati tal-Ftehim Kollettiv magħha jieqfu minnufih. Talbet ukoll lill-Management tal-Port Ħieles biex jibda l-proċess tal-verifika.

Fil-korrispondenza li bagħtet permezz tal-Uffiċċju Legali tagħha, il-UĦM Voice of the Workers talbet lill-Freeport biex iġib ruħu bl-istess mod li kien ġab ruħu meta waqqaf immedjatament in-negozjati mal-UĦM Voice of the Workers.

“Issa, din il-Union qed tistenna l-istess atteġġjament u trattament li ngħata lil ħaddieħor”, temmet tgħid l-istqarrija.