Uffiċjali inkwerenti fl-Istati Uniti qalu li eksassoċjat tal-President tar-Russja, li, is-sena l-oħra, instab mejjet fl-Istati Uniti, spiċċa maqtul minn daqqa f’rasu.
Mikhail Lesin, li kien qrib il-President Russu, Vladimir Putin, anki kellu ġrieħi f’għonqu u partijiet oħrajn ta’ ġismu li dehru kkaġunati ‘bl-użu ta’ forza’. Dan qalu l-eżaminatur mediku ewlieni ta’ Washington, wara li Lesin, f’Novembru, kien instab mejjet fil-Lukanda Dupont Circle, fil-kapitali Amerikana.
L-eżaminatur ma pprovdiex aktar dettalji mill-proċess tal-awtopsja waqt li l-gazzetta Washington Post ikkwotat lill-kelliema tal-pulizija Amerikana li ‘l-każ għadu taħt investigazzjoni’.
Lesin serva għal żmien bħala l-Ministru Russu għall-Istampa u darba kien imexxi l-Gazprom-Media Holding Group, li hu entità influwenti ferm fir-Russja.
Fil-fatt, Mikhail Lesin kien ilu kkunsidrat fost l-aktar personalitajiet influwenti u b’saħħithom fil-qasam tal-istampa, kif ukoll fil-ġerarkija tal-poter fir-Russja.
Lesin kien ħadem bħala assoċjat mal-Presidenza tar-Russja mill-2004 u l-2009 u kien strumentali biex jitwaqqaf ix-xandar internazzjonali RT (darba magħruf bħala Russia Today) li hu ffinanzjat mill-Istat Russu.
Wara li nstab il-katavru ta’ Lesin fil-lukanda, qrabatu kienu kkwotati mill-istampa Russa li hu kien sofra attakk tal-qalb fatali.
Filwaqt li mhix ċara r-raġuni għaliex Lesin kien mar f’Washington, hu minnu li hu kellu l-qraba residenti fl-Istati Uniti u li dawn għandhom diversi interessi kummerċjali fil-pajjiż.
//= $special ?>