Kunsilli Lokali

Insistenza mill-Kunsilliera tal-PN, terġa’ tiftaħ id-diskussjoni dwar il-pjazza tal-Ħamrun

Madwar sena ilu, l-pjazza ewlenija fil-Ħamrun, Pjazza San Pawl kienet f’nofs kontroversja dwar il-proġett ta’ rinovazzjoni hekk kif l-pjanti proposti kienu jinkludu żieda fil-parkeġġi li naturalment ċċekken il-pjazza preżenti. Il-kontroversja kienet tiratta kif dan il-proġett kien se jakkomoda negozjant partikolari.

Il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun, minkejja l-insistenza u l-oġġezzjoni tal-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista, bil-casting vote tas-Sindku Vince Bonello, ddeċieda li ma joġġezzjonax għal dan il-proġett li jċekken waħda mill-ftit spazji pubbliċi fil-Ħamrun. Il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista fil-Ħamrun stqarru, li aktarx dan sar anke b’direzzjoni mill-Partit Laburista, biex il-maġġoranza tal-Kunsill Laburista jivvota favur is-sid ta’ negozju minflok li jirrapreżenta lir-resdienti. Ta’ min jinnota wkoll, li s-Sindku preżenti, Christian Sammut, li dak iż-żmien kien Viċi Sindku, ma kienx favur dan il-proġett iżda inċidentalment ma attendiex għal dik il-laqgħa, u meta ssejjaħ il-vot l-eks Sindku uża l-casting vote biex il-vot jgħaddi.

Il-gazzetti lokali, rrapurtaw li ingħata bidu li l-perjodu li fih ir-residenti jistgħu jagħmlu l-ilmenti u l-kummenti tagħhom beda, u filfatt fil-laqgħa tal-Kunsill Lokali il-minority leader Antonello Cuschieri, flimkien mal-kunsilliera Efrem Buttigieg u Louise Tedesco, sejħu għall-laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika.

Il-Kunsilliera Nazzjonalisti fil-Ħamrun jittammaw li s-sens komun jipprevali, u s-Sindku jilqa’ l-proposta u jsejjaħ lagħa ta’ konsultazzjoni pubblika.