Futbol Sport

Jirriżenja Adrian Casha…… Kevin Azzopardi jinħatar Direttur tar-Referees sal-aħħar tal-istaġun

F’ittra mibgħuta lil President tal-MFA, il-Kap tar-Referees tal-MFA Adrian Casha informa lil Norman Darmanin Demajo li qed iħalli l-post tiegħu b’effett immedjat wara ħames snin fil-kariga.

Casha qal li jista’ jkun li ma mexiex bl-aħjar mod f’pagamenti lir-referees għal tournament indipendenti s-sena l-oħra. Iżda minkejja dan, Casha sostna li hu dejjem aġixxa b’integrità għas-settur tar-refereeing f’pajjiżna.

Fi stqarrija, l-MFA ikkonfermat ir-riżenja b’effett immedjat ta’ Casha filwaqt li tagħmilha ċara li fl-ebda ħin is-sur Casha ma kien is-suġġett ta’ investigazzjoni dwar użu illeċitu ta’ fondi tal-MFA.

Ftit ilu, Kevin Azzopardi ġie maħtur bħala Direttur tar-Referees sal-aħħar tal-istaġun. Kevin Azzopardi hu eks-referee, b’karriera ta’ 18-il sena, li fiha serva bħala FIFA referee fis-sena 2013, u kkontrolla 114-il partita fil-BOV Premier League bejn l-istaġuni 2004/05 u l-2012/13.

F’dawn l-aħħar żewġ staġuni, hu kien qiegħed jokkupa l-kariga ta’ Amministratur fi ħdan id-Dipartiment tar-Refereeing tal-MFA u Match Observer.